Fid-Dipartiment tal-Fiżika fl-Università ta’ Malta, bħalissa għaddejja riċerka interessanti li ser isservi ta’ benefiċċju għall-bugħaddasa Maltin, Għawdxin u anke oħrajn f’pajjiżi oħra.
Din ir-riċerka li għadha fil-bidu tagħha, se twassal biex jonqsu r-riskji ta’ problemi f’saħħet il-bugħaddasa wara li jitilgħu minn qiegħ il-baħar.
ONE News tkellem max-Xjentist Dr Joseph Caruana, li spjega problema ewlenija li wieħed jista’ jħabbat wiċċu magħha wara xi għadsa.
Qal, “Waħda mill-problemi li l-għaddasa jaffaċjaw hija li meta jinżlu fil-fond waqt id-dives tagħhom u jqattgħu ammont ta’ ħin taħt l-ilma il-gass li huwa n-nitroġenu jiġi assorbit fil-ġisem tagħhom u allura meta jiġu biex jitilgħu lejn il-wiċċ, u jekk jitilgħu b’mod mgħaġġel dan in-nitroġenu x’ħin joħroġ minn ġisimhom jifforma qishom bubbles f’ġisimhom.”
Ir-riċerkaturi Maltin se jaraw li b’dan l-istudju jiżviluppaw apparat teknoloġiku li jkun magħmul apposta għall-bugħaddas.
Spjega, “Dan il-proġett li qed jipprova jagħmel huwa li jimla’ dik il-gap, iġifieri ħa nkunu qed nimmoniterjaw l-għaddas innifsu mhux nibbażaw biss fuq teorija iżda se nkunu qed nagħmlu kejl dirett fuq il-ġisem tal-bugħaddas biex il-profil li jkollu hu u tiela’ lura lejn il-wiċċ ikun b’mod tailor-made għalih.”
Ix-xjentist żied jispjega li r-riċerka se tara li l-bugħaddasa ma jiġux bżonn kura fl-isptar.
Qal, “Se jkun qed inaqqas ħafna r-riskju ta’ problemi għall-għaddas iġifieri li jekk ikollu xi dive li hija challenging iġifieri fil-fond ħafna u jkollu duration twila u r-risku jgħola, tkun qed tnaqqas ir-riskju li jiżviluppawlu dan ir-riskju wara l-live.”
Dan il-proġett, li mistenni jieħu madwar sentejn u nofs ma setax isir mingħajr il-finanzjament ta’ mitejn elf ewro minn skema tal-Kunsill Malti għax-Xjenza u t-Teknoloġija.
Fil-fatt il-Ministru għar-Riċerka u l-Innovazzjoni Owen Bonnici saħaq kif dan il-proġett jista’ jidħol fis-suq internazzjonali.
Qal, “Dawn ir-riċerkaturi Maltin ħa jsibu soluzzjoni għal dawn il-problemi internazzjonali fejn jidħol is-settur tal-għadis. Dawn huwa element importanti ħafna ta’ opportunità ta’ kummerċjalizazzjoni, jiġifieri dan il-prodott li se joħolqu l-Maltin ikun jista’ jiġi kkumerċjalizzat u b’hekk jinħolqu mpjiegi ġodda u ġid ġdid.”
Intant, ix-xjentisti qalu wkoll li s’issa kollox qed jindika li din ir-riċerka se tkun waħda ta’ suċċess.