Akkademiċi flimkien ma’ studenti fl-Università ta’ Malta, permezz tad-Dipartiment tal-Metallurġija u l-Materjali fi ħdan il-Fakultà tal-Inġinerija, ħolqu proġett, li se jgħin fis-settur tas-saħħa.
Dan hekk kif din ir-riċerka se tkun qed tgħin lil dawk li jkunu tilfu biċċa sew minn għadma, bħal meta wieħed ikun involut f’inċident tat-traffiku jew minħabba raġunijiet ta’ mard.
Dwar dan il-proġett tkellimna mal-Professur Inġinier Joseph Buhagiar fejn spjega kif is-soltu, f’każijiet bħal dawn professuri mediċi jieħdu għadma minn post ieħor u jpoġġuha fil-post fejn wieħed ikun tilef l-għadma tiegħu.
Spjega magħna kif dan il-proġett iwassal biex jitpoġġa oġġett tal-metall flok dik l-għadma li persuna jkun tilef.
“L-ewwel aħna naraw is-CT-Scan u minn hemm u imbagħad nittrasferixxu l-informazzjoni fi 3D model. Dak il-mudell jiġi printed mill-plastik. Imma l-implant tagħna mhux magħmula mill-plastik, allura l-implant minnha nnifsha li se toħroġ twaħħal, inwaħħlu powder tat-trab, magħmul mill-ħadid. Imbagħad indaħħluh ġo foil u prattikament nirrepplikaw ix-shape tal-plastik għall-oġġett tal-metall.”
Il-Professur Buhagiar spjega xi jwassal permezz ta’ din ir-riċerka, fejn permezz tiegħu persuna mhux se jkollha biċċa għadma minn post ieħor f’ġismu.
“U prattikament l-għadam, li huwa ħaj li huwa magħmul minn ċelloli. Jidħol fl-implant tagħna, jidħol fil-pori tagħna u jidħol bil-mod il-mod minħabba li hemm il-likwidi ġol-għadma u meta naraw li l-impjant tagħna tibda jsaddad u tibda titlifha. Imma l-implant huwa importanti ħafna li jkun tal-metall, fil-bidu. X’ħin l-għadma tibda tbiddilha, inti l-implant ma tridux aktar u allura idealment ikollok l-implant prattikament imneħħi kompletament.”
Waqt żjara li għamel f’dan id-Dipartiment, il-Ministru għar-Riċerka u l-Innovazzjoni Owen Bonnici faħħar kif dan qed isir permezz tat-talent Malti.
“Aħna nemmnu li dawn is-soluzzjionijiet ħa jtejbu l-ħajja tan-nies, se jkollhom ukoll impatt pożittiv għaliex jistgħu joħolqu postijiet tax-xogħol, joħolqu ġid ġdid u anke għaliex qegħdin inkomplu nsaħħu t-tagħlim u r-riċerka li għandna f’pajjiżna.”
Dan il-proġett bl-isem BioSA, sar fuq medda ta’ tliet snin u sar minn fondi tal-Kunsill Malti għax-Xjenza u t-Teknoloġija, li jammonta għal ta’ kwart ta’ miljun ewro.
Il-Professur Inġinier Buhagiar spjega l-importanza ta’ dawn il-fondi biex sar proġett bħal dan.
“Tattira student li lest iqatta’ tliet snin u nofs, erba’ snin jagħmel ir-riċerka full-time, trid tħallsu u b’dawn il-fondi jippermettulna nħalsu per eżempju student full-time, fuq erba’ snin ikun jista’ jagħmel prattikament il-PHD tiegħu.”