Proġett bejn l-Università ta’ Malta u kumpanija lokali wassal biex ġie żviluppat programm li jagħmilha possibbli sabiex sodod motorizzati jkunu kkontrollati mill-moħħ.
Din it-teknoloġija taħdem billi permezz ta’ teptip ta’ bozza ħdejn simbolu ta’ ċaqliq speċifiku, tagħti sinjal lil moħħ li jipprovdi frekwenza bħal dik tat-teptip li tkun qed tara l-għajn.
Hawnhekk, il-pazjent ikun liebes kappa apposta li taqra dawn is-sinjali biex b’hekk permezz ta’ din it-teknoloġija is-sodda tiċċaqlaq skont il-preferenza tal-pazjent.
Il-kordinatriċi tal-proġett, Tracey Camilleri spjegat kif dan il-proċess ikun qed isir f’ħin reali permezz tas-sistema.
Qalet, “Hemm fenomenu li meta tħares lejn xi ħaġa tteptep, fuq in-naħa ta’ wara tal-moħħ ikun hemm ‘potential’ ngħidulu, ‘visual evoked potential’. Aħna bl-A.I. u l-machine learning u l-ipproċessar ta’ dawn is-sinjali nidentifikawha dik. U allura nidentifikaw liema buttuna l-utent xtaq juża u s-sistema b’mod awtomatiku tibgħat il-kontroll lis-sodda.”
Il-Koordinatriċi ta’ BrainApp saħqet ukoll kif dan il-proġett seta’ jsir permezz ta’ fondi mill-Kunsill Malti għax-Xjenza u t-Teknoloġija, bħala parti mill-Fusion Programme li investa fir-riżorsi disponibbli għal din ir-riċerka, b’ammont li jlaħħaq ftit inqas minn mitejn elf ewro.
Għalkemm dan l-apparat ma jistax jinxtara mis-suq illum il-ġurnata però hemm il-ħsieb li din it-teknoloġija tkompli tiżviluppa anki fuq livell lokali.
Għal konferenza organizzata mill-partijiet li ħadmu fuq il-proġett attendew iċ-Chaiperson tal-MCST, Jeffrey Pullicino Orlando u l-Ministru għar-Riċerka u l-Innovazzjoni, Owen Bonnici.
Pullicino Orlando saħaq kif din it-tip ta’ ħidma tirrikjedi kuraġġ kbir filwaqt li l-Ministru Bonnici enfasizza fuq l-fiduċja bejn il-privat u s-settur edukattiv li tissarraf f’ħidma akbar fil-qasam tal-innovazzjoni.