Il-President ta’ Malta ġie ppreżentat bi ktieb ġdid li jiġbor ir-riformi li saru fis-servizz pubbliku mill-2013 ’l hawn u l-impatt li ħallew fuq l-istess servizz, il-klijenti u l-impjegati tal-Gvern.
Dan il-ktieb jinkludi fih studju dwar l-iżbalji li saru fil-passat u kif jistgħu jiġu evitati, il-perċezzjoni tal-ħaddiema taċ-ċivil u n-nies dwar is-Servizz Pubbliku u x’jista jsir biex jissaħħaħ.
Il-President George Vella qal li dan il-ktieb huwa importanti u relevanti, mhux biss minħabba l-materjal fattwali u r-riċerka li saret, imma wkoll għax iservi ta’ dokument li jdaħħal lis-Servizz Pubbliku fil-memorja kollettiva tal-pajjiż.
“Nista’ nara li din it-tip ta’ riċerka tista’ tkun ta’ għajnuna għal pajjiżi oħra wkoll, allura qed nitkellmu dwar Small Island States u nafu li hemm ħafna li jaqgħu f’din il-kategorija li jistgħu jadottaw dak li hemm f’dan il-ktieb.”
Waqt il-preżentazzjoni tal-ktieb, il-Kap taċ-Ċivil Mario Cutajar qal li b’din il-pubblikazzjoni, is-Servizz Pubbliku jista’ jkompli jikkonsolida fuq il-bidliet li għamel.