L-Istitut tal-Enerġija Sostenibbli fl-Università għaddej fuq proġett dwar panelli voltovotajċi ċatti apposta għal Malta u l-Mediterran.
Dan il-proġett ta’ tlett snin issa jinsab fit-tieni sena tiegħu u qed isir b’fond ta’ €195,000 mill-Kunsill Malti għax-Xjenza u t-Teknoloġija.
Id-Direttur tal-Istitut Luciano Mulè Stagno spjega li dan il-proġett huwa addattat għal Mediterran għaliex il-bjut huma ċatti, mhux bħal reġjuni oħra.
Spjega wkoll kif dan il-proġett se jwassal biex tkun eħfef biex tpoġġiha fuq il-bejt u bl-istess prezz daqs il-panelli l-oħrajn.
Huwa stqarr: “Il-proġett qiegħed fit-tieni sena, għadna kemm għalaqna l-ewwel sena. Qed nispiċċaw id-design bħalissa, nagħmlu l-prototypes, nittestjawhom hawnhekk stess fejn qegħdin. Once li naraw li jaħdem, qed niffiljaw patent jiġifieri nkunu proteti u imbagħad bażikament infittxu mod kif nikkumċerjalizzawha.”
Il-Ministru Owen Bonnici qal li dan il-Gvern jemmen fir-riċerka sabiex pajjiżna jkun innovattiv u x-xogħol li jsir mill-Maltin jasal barra minn pajjiżna.
Huwa qal, “L-Università ta’ Malta għotjeniet fondi ta’ riċerka fl-ammont ta’ €195,000 mill-MCST sabiex isir dan il-proġett innovattiv illi fil-mument li jintemm dan il-proġett nistgħu nikkummerzjalizaw, issir patent u għalhekk inkunu qed noħolqu l-ġid permezz ta’ talent Malti.”