Din ir-riċerka li ġiet finanzjata mill-Fondazzjoni Malta fi ħdan il-bank HSBC għamlet użu minn programm speċjalizzat għall-ġenituri, sabiex dawn ikollhom l-għajnuna neċessarja sabiex itejjbu r-relazzjoni tagħhom.
Dr Ingrid Grech Lanfranco, li mexxiet dan il-proġett ta’ riċerka, spjegat kif il-ġenituri ġew imħarrġa dwar kif jistgħu itejbu r-relazzjoni bejniethom.
Qalet, “Il-ġenituri li riedu jipparteċipaw li jidħlu fi grupp ta’ parenting, il-programm jismu ‘Parents as Partners’ għal sittax-il ġimgħa u matul dak il-programm ingħataw sapport fuq ir-relazzjoni tagħhom partikolarjament, u anke fuq l-interazzjoni tagħhom mat-tarbija.”
Hija sostniet li dan il-programm ħalla riżultati sinifikanti fuq il-koppji u anke t-trabi.
Spjegat, “Wara li saret ir-riċerka, instab li kien hemm bidla fil-livell ta’ kunflitt bejn il-ġenituri u anke t-trabi li kkalmaw. Li allura waħda taffettwa lill-oħra.”
Dr Grech Lanfranco qalet li dawn ir-riżultati jfissru impatt pożittiv fuq is-saħħa mentali tal-ġenituri, li jħalli effett tajjeb fuq it-trobbija tat-tfal tul iż-żmien.
Hija stqarret li r-riżultati ta’ dan il-programm huma tant sinifikanti, li dan il-programm jista’ jiġi applikat ’il barra mir-riċerka.
Qalet, “Bħalissa qed issir riċerka oħra b’dan il-programm ukoll u qed nisperaw li dan jista’ jibda jiġi offrut bħala parti minn servizz għall-ġenituri ftit wara li jkollhom it-tarbija.”