Raġġ ta’ tama għal dawk li għandhom il-kundizzjoni tal-epilessija.
Permezz ta’ finanzjament ta’ mija u ħamsa u disgħin elf ewro mill-programm FUSION, tal-Kunsill Malti għax-Xjenza u t-Teknoloġija, xjentisti fl-Università ta’ Malta qed jaħdmu fuq Bookind, proġett ta’ riċerka bil-għan li jipprovdi trattament aktar effettiv għall-epilessija u għal għadd ta’ kundizzjonijiet newroloġiċi oħra.
F’Malta hawn aktar minn erbat elef persuna bl-epilessija, li meta ma tkunx ikkontrollata permezz tal-mediċini, din tista’ anke tikkawża mewt.
Il-Professur Godfrey Grech, li qed jikkordina proġett ta’ trattament farmakologu flimkien mal-Professur Mauro Pessia, spjega l-istudju wara dan il-proġett biex jintgħarfu d-disturbi newroloġiċi.
“Nidentifikaw l-istimuli tal-elettriku mill-moħħ biex jikkomunikaw mal-ġisem u nħarsu lejn id-differenza bejn dawk li jkunu epileptic seizures jew le. Noħolqu mudelli ta’ ċelloli u mudelli in vivo wkoll u nistudjaw id-differenzi ta’ molekuli li hemm fil-moħħ li jikkaġunaw dawn is-seizures.”
Il-Professur Grech saħaq li aktar minn 30% tal-pazjenti huma reżistenti għal trattamenti farmakoloġiċi eżistenti.
L-unika għażla oħra ħafna drabi tkun it-trattament newrokirurġiku, iżda dan spiss ma jkunx possibbli minħabba r-riskju inaċċettabbli li waqt l-operazzjoni ssir ħsara lil partijiet oħra tal-moħħ li jikkontrollaw il-lingwa, is-sensazzjoni, il-moviment u funzjonijiet kruċjali oħra tal-moħħ.
Għalhekk l-identifikazzjoni ta’ mediċini aktar effettivi biex dan jiġi evitat hija meħtieġa b’mod urġenti.
Huwa għalhekk li l-kumpanija Maltija prestiġjuża tal-bijoteknoloġija, Omnigene Medical Technology daħlet għal dan il-proġett li jikkontrolla d-disturbi newroloġiċi.
“Hija fejn is-sieħeb industrijali qed jidħol, fejn qed juża teknoloġija sensittivi ħafna biex ikun jista’ jaqra dawn il-molekuli li jagħmlu din id-differenza fl-epiletic seizures pero’ mhux fil-moħħ imma fid-demm.”
Fi żjara li l-Ministru għar-Riċerka u l-Innovazzjoni Owen Bonnici għamel fil-laboratorji bijomediċi fejn qed isir ix-xogħol ta’ riċerka fuq il-proġett, faħħar l-isforzi tat-tim formidabbli ta’ riċerkaturi.
“Din hija dimostrazzjoni ċara ta’ kif kulħadd jista’ jgawdi meta r-riċerka u l-innovazzjoni jitqiesu bħala pilastri ewlenin għall-futur ta’ pajjiżna”, saħaq il-Ministru Bonnici.
“Qed naraw kif b’dawn l-istudji u riċerka ħa jinħolqu soluzzjonijiet biex iktar nies ikunu jistgħu jieħdu t-trattamenti li jgħinuhom f’din il-kundizzjoni. Dan huwa kollu xogħol illi aħna rridu nkunu nkomplu mmexxuh ’il quddiem għax nemmnu li fir-riċerka u l-innovazzjoni hemm il-bażi ta’ Malta għall-futur.”