Riċerka li qed issir f’pajjiżna fil-laboratorji tal-Università ta’ Malta qed twassal għat-tfassil ta’ test ġdid li jaqbad il-kanċer tal-musrana minn qabel.
Ir-Riċerkatur Dr Byron Baron spjegalna kif dan it-test li jaqbad il-modifikazzjonijiet tal-proteini minħabba l-kanċer jista’ jwassal sabiex b’dijanjosi bikrija jintrebaħ iż-żmien li fih persuna tista’ tkun assistita u b’hekk jiżdied iċ-ċans ta’ trattament effettiv.
Huwa spjega: “Ħafna testijiet li jsiru bħalissa jużaw il-ġenetika bħala l-bażi tagħhom, aħna qed nużaw modifications fuq il-proteini, jgħidulhom post-translation modifications, speċifikament qed naqbdu waħda jgħidulha methylation u qed naraw kif jinbidel waqt il-proċess tal-kanċer mil-livelli normali li suppost jinsabu fiċ-ċelloli tagħna meta jkunu qed jaħdmu kif suppost.”
Il-Ministru għar-Riċerka u l-Innovazzjoni Owen Bonnici, li żar il-laboratorji fl-Università nnota kif din ir-riċerka qed issir b’investiment ta’ €200,000.
Stqarr kif dan l-investiment qed jagħti l-opportunità biex pajjiżna juża t-talenti li għandu sabiex isalva l-ħajjiet: “Dawn huma kollha innovazzjonijiet illi qed jinħolqu frott it-talent tal-Maltin u aħna qed niffinanzjawhom b’fondi ta’ riċerka biex inkomplu nmexxu l’quddiem dan il-pajjiż b’soluzzjonijiet li jkomplu jtejbu l-ħajja ta’ dak li jkun.”