Tnieda proġett, bl-isem ta’ ‘Connecting marine data to serve society’, li se jkun qed jiġbor informazzjoni u statistika essenzjali dwar il-baħar madwar il-gżejjer Maltin biex tkun tista’ tiġi użata anke minn numru ta’ entitajiet u awtoritajiet lokali.
Dan tħabbar mis-Segretarju Parlamentari għaż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni, Keith Azzopardi Tanti, flimkien mal-Professur Aldo Drago u ċ-Ċentru għall-Istudji Marittimi tal-MCAST waqt konferenza tal-aħbarijiet f’Villa Bighi.
Il-proġett se jkun qed jindirizza aspetti relatati mas-settur tal-baħar, hekk kif is-settur marittimu qiegħed dejjem jikber u qed isiru tibdiliet kbar fil-mod kif jitwasslu l-prodotti u s-servizzi.
Dan mistenni jindirizza wkoll id-domanda fuq ir-riżorsi tal-baħar li qed tkompli tikber fuq livell dinji, speċjalment fil-Mediterran.
Il-Professur Drago spjega li dan il-proġett se jġib flimkien diversi entitajiet Maltin biex jimplimentaw sistema nazzjonali waħda ta’ ġbir ta’ data u b’hekk jiġi ssalvagwardjat il-baħar ta’ madwarna.
Qal, “L-attivitajiet ekonomiċi marbutin mal-baħar mistennija jżdiedu anke bid-doppju, imqabbel ma’ kemm kienu fl-2010, sal-2030. Dan ifisser li pajjiżna jrid jinvesti biex jipprepara ruħu għal dan il-futur daqshekk viċin u dan il-proġett hu mmirat li jkun kategorizzatur.”
Il-Prinċipal u l-Kap Eżekuttiv tal-MCAST, il-Professur Joachim James Calleja, spjega li l-MCAST qed ikompli javvanza fix-xogħol tar-riċerka u l-innovazzjoni, u tmexxi ’l quddiem il-progress f’diversi oqsma, inkluż fl-oqsma tal-baħar u l-ambjent.
Qal, “Id-data li se tinġibed minn dan il-proġett se tissarraf filli nerġgħu nidħlu fil-programmi li għandna u nagħtu bixra aktar reali u relevanti għal dawk il-problemi li l-pajjiż jista’ jiffaċċja f’diversi oqsma.”
Min-naħa tiegħu, is-Segretarju Parlamentari Azzopardi Tanti spjega li r-riċerka u l-innovazzjoni huma l-bażi li fuqhom jinbena l-futur tal-ekonomija ta’ kull pajjiż.