Dalgħodu, fil-Palazz Verdala tnieda ta’ dokument ta’ riċerka ppubblikat mill-Fondazzjoni ‘Mid-Dlam għad-Dawl’.
Fid-diskors tagħha, il-President tkelmet fuq il-fatt li din ir-riċerka tagħti ħarsa, għall-ewwel darba, lejn l-esperjenzi tat-tfal u tal-familji tal-priġunieri. Ir-riċerka tesplora l-implikazzjonijiet kollha tal-priġunerija bħala mezz u bħala sistema, u kif dawn jaffettwaw il-kwistjonijiet tat-trobbija, l-iżvilupp ta’ relazzjonijiet, u l-mod kif in-nies jinteraġixxu kemm fil-komunitajiet u kemm fis-soċjetà.
“Din ir-riċerka tagħti vuċi tant bżonjuża lil dawk il-familji li, s’issa, qatt ma ġew mismugħa. Permezz ta’ dan ir-rapport, nistgħu nifhmu t-tħassib u l-anzjetà tagħhom kif ukoll it-tamiet u l-aspirazzjonijiet tagħhom. Ir-riċerka turi li l-esperjenza li jkollok xi ħadd mill-familja fil-ħabs taf tbiddillek ħajtek u tista’ toħloq inċertezzi serji, trawmatici u inkwetanti dwar il-futur”, qalet il-President.
Hi tenniet li punt li laqatha partikolarment fir-riċerka ‘u li jistħoqqlu aktar analiżi’ huwa l-fatt li l-individwi li ġew intervistati kollha jiddeskrivu, b’modi differenti, il-bżonn ta’ fejqan fil-familji tagħhom. Madanakollu, ħadd qatt mill-persuni involuti fl-intervisti ma ġie offrut, jew irċieva, kura terapewtika: “Dawn persuni li weġġgħu, batew, inkwetaw waħidhom”.
Ir-riċerkaturi ta’ dan il-proġett, huma Charlie Azzopardi u Karen Bishop kif ukoll George Busuttil li flimkien mat-team tiegħu tal-Fondazzjoni ‘Mid-Dlam għad-Dawl’ qed ikomplu jaħdmu bis-sħiħ biex jassiguraw il-ġid tal-priġunieri u tal-familji tagħhom.
Fl-aħħarnett, il-President appellat biex ikomplu jiġu żviluppati proċessi ta’ fejqan u riforma, li joħolqu wellbeing fil-ħajjiet tat-tfal u tal-familji u tal-komunitajiet li missew mas-sistema korrettiva, għall-ġid tas-soċjetà kollha tal-gżejjer Maltin.