Ħafna huma devoti tal-Kurċifiss Mirakoluż li jinsab fil-Knisja ta’ Ġieżu fil-Belt.
Skultura li nħadmet minn artist Sqalli Frate Innocenzo da Petralia fis-seklu 17 li mnaqqxa fid-dettall li turi t-tbatija ta’ Kristu msallab.
Riċerka li ħadet ix-xhur issa nġabret f’ktieb bl-isem Ta Ġiezu Crucifix.
It-teżorier tal-Arċikonfraternità tas-Santissmu Kurċifiss Kevin Scicluna tenna li din il-pubblikazzjoni hija kollezzjoni ta’ studji kemm storiċi u kemm xjentifiċi li ħa tibqa’ rikordju għal dejjem stampata fi ktieb.
Huwa spejga: “Matul il-proċess kollu saru ħafna studji, saru ħafna riċerki u kienet tkun ħasra kbira li kieku dan ġie ffilejat u ntefa’ x’imkien allura l-pass awtomatiku kien li naħsbu fil-pubbliku f’din il-pubblikazzjoni.”
Dan il-kurċifiss ta’ Ġieżu fil-Belt għandu aktar minn 400 sena ta’ storja u jiġbed lejh ħafna devoti minħabba kif l-artist irnexxielu jnaqqax fid-dettall il-weġgħat ta’ Kristu msallab.
Christian Attard l-Editur tal-ktieb qalilna: “Tant daħlet in-nies f’qoxxrithom li anke meta jħarsu lejn din ix-xbieha ta’ Kristu msallab b’mod daqshekk realistiku li jagħtik impressjoni li qiegħed quddiem Kristu nniffsu li n-nies mill-ewwel bdew ikollhom dawn l-ideat li forsi huwa mirakoluż.”
Attard żied jgħid mhux darba jew tnejn dan il-kurċifiss kien ta’ kenn spiritwali għal Maltin fi żminijiet diffiċli. Filwaqt li tenna kif dan il-kurċifiss probabilment qatt ma ħareġ għajr għal xi drabi fis-seklu 20 minħabba li din l-iskultura ma kinitx maħsuba li tkun proċessjonali.
Huwa sostna: “Il-qarrej għandu jsib ħafna informazzjoni dwar il-kurċifiss iżda mhux biss anke dak li jdur madwar il-kurċifiss pereżempju l-istorja tal-fratellanza, l-istorja tal-vari tal-Ġimgħa l-Kbira. U t-tieni nofs tal-ktieb huwa jittratta dwar il-proċess ta’ restawr u konservazzjoni.”
Min hu interessat li jakkwista kopja ta’ dan il-ktieb, jista’ jagħmel dan mill-paġna ta’ facebook Arċikonfraternità tas-Santissimu Kurċifiss.