Illejla mistenni li jittieħed vota ta’ fiduċja fil-Prim Ministru Brittaniku ta’ Boris Johnson, fid-dawl tal-aħħar skandlu li ħakem 10 Downing Street.
Iċ-Chairperson ta’ Kumitat ta’ membri parlamentari Brittaniċi, Sir Graham Brady, għamel stqarrija fejn qal kif il-membri parlamentari se jieħdu vot ta’ fiduċja fil-Prim Ministru tar-Renju Unit bejn is-sitta u t-tmienja ta’ filgħaxija.
Dan il-vot se jittieħed wara li aktar minn 54 membru paralmentari, ħmistax fil-mija, talbu li jsir dan permezz ta’ ittra.
Fil-fatt, il-ġimgħa li għaddiet kienet ikkaretterizzata minn membri parlamentari jesprimu pubblikament in-nuqqas ta’ fiduċja li għandhom fil-Kap tagħhom, b’aktar minn tletin membru parlamentari jagħmlu dan.
Huma talbu li Johnson jirriżenja minnufih wara li skonthom m’għadux dehenju li jkun fit-tmun tar-Renju Unit.
Dan wara li fil-pubbliku ħarġu fatti xokkanti f’rapport dwar is-sensiela ta’ festini li saru fl-uffiċċju ta’ Johnson waqt li r-Renju Unit kien għaddej minn lockdown minħabba l-imxija.
Johnson mhux biss qed jesperjenza turbulenzi fil-House of Commons, iżda wkoll mill-pubbliku li nhar il-Ġimgħa li għadda miġemgħa bdiet tgħajjar lill-Prim Ministru Ingliż waqt li kien dieħel fil-Katidral ta’ San Pawl bħala parti miċ-ċelebrazzjonijiet tal-Ġubilew tal-Platinu.