Il-mużew marittimu fil-Birgu qed igawdi minn investiment ta’ €2 miljun minn fondi Ewropej sabiex dan jissaħħaħ u tittejjeb l-esperjenza li tingħata lill-viżitaturi.
Parti mill-proġett qed jinvolvi xogħol infrastrutturali li ser jirranġa ħsarat strutturali fil-post u ser ssir rijabilitazzjoni ta’ partijiet mill-mużew li ma kinux jintużaw u b’hekk jinfetħu spazji f’dan il-mużew li jkunu aċċessibli għall-pubbliku.
Il-Kap Eżekuttiv ta’ Heritage Malta qal li se tkun qed jitwaqqaf ukoll laborotarju li se jieħu ħsieb il-proċessi ta’ diġitalizzazzjoni.
Hu sostna: ‘Heritage Malta ħadet iċ-ċans tirrestawra parti sostanzjali mill-mużew marittimu. Parti minnhom dawn il-fondi ħa jintużaw biex jagħmlu digitalisation lab ġewwa l-mużew li ħa jkun l-bażi tad-digilitasation programme ta’ Heritage Malta kollha.”
Il-proċess ta’ diġitilizzazzjoni se jkun qed iwassal biex jinbena bħal inventarju tal-kollezzjoni nazzjonali li tkun aċċessibbli għall-pubbliku b’mod virtwali wkoll.
Fi żjara l-Ministru għall-Wirt Nazzjonali Josè Herrera spjega li Heritage Malta għandha dipartiment li titratta l-arkeoloġija marrittima.
Il-Ministru Herrera stqarr: “F’dan il-mużew ħa jkollna mmapjat fejn jista’ wieħed jara fejn instabu l-artifatti marittimi tagħna u fejn hemm il-fdalijet tax-xwieni u l-vapuri.”
Min-naħa tiegħu s-Segretarju Parlamentari Stefan Zrinzo Azzopardi qal li permezz tal-investiment ta’ €2 miljun ko-finanzjat minn fondi Ewropej taħt il-fond taż-żona ekonomika ewropea u fondi Norveġiżi, dan il-proġett tal-Mużew Marittimu ta’ Malta se jkollu biżżejjed riżorsi biex jinvesti fid-diġitalizzazzjoni tal-oġġetti esebiti li jgħinu għar-riċerka u għall-priservazzjoni tagħhom.
Is-Segretarju Parlamentari Zrinzo Azzopardi qal: :Dan il-proġett se jgħin fid-diġitalizzazzjoni tal-artifatti ta’ dan il-mużew kif ukoll fit-tisbiħ tal-mużew b’valur imprezzabbli.”