B’mod unanimu Rhoda Garland ġiet approva mill-Kumitat tal-Iskrutinju Parlamentari dwar il-Ħatriet Pubbliċi u b’hekk uffiċjalment se sservi bħala t-tielet Kummissarju tas-CRPD.
Ħabbret dan il-Ministru għall-Inklużjoni, Julia Farrugia Portelli, permezz ta’ post fuq Facebook.
Rhoda Garland iggradwat b’Baċellerat bl-Unuri fl-Accounting u l-Finanzi u aktar tard saret Management Accountant fi ħdan iċ-Chartered Institute of Management Accountants. Għal bosta snin hija ħadmet bħala Management Accountant ma’ kumpaniji bbażati fir-Renju Unit u kienet involuta fi proġetti kemm mil-lat finanzjarju, kif ukoll minn dak ta’ management u informatika.
F’Malta kompliet taħdem bħala konsulenta tal-IT, sakemm fl-2014 hija bdiet taħdem bħala riċerkatriċi fuq l-ewwel Rapport tal-Istat Malti għall-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti fi ħdan is-Segretarjat Parlamentari għad-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità u l-Anzjanità Attiva. Fl-2015, wara li temmet b’suċċess kors ta’ Masters fl-Istudji tad-Diżabilità mill-Università ta’ Malta, hija ngħaqdet mal-Kummissjoni għad-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità, l-ewwel fir-rwol ta’ konsulenta fuq proġetti ffinanzjati mill-UE, imbagħad mill-2016, bħala Direttur Eżekuttiv.