Fl-aħħar sigħat il-qawwiet Russi sabu ma’ wiċċhom reżistenza qawwija huma u deħlin fil-kapitali Ukrena, Kyiv.
Sbieħ is-Sibt u mal-lejl kien hemm ġlied kbir fit-toroq ta’ Kyiv hekk kif in-nies u s-suldati Ukreni ddefendew b’qilla l-attakki mir-Russi li iżda komplew javvanzaw.
Intqal li l-qawwiet Russi sofrew telfiet sinifikanti u mietu diversi suldati iżda wieħed jifhem li kien hemm anki telfiet ta’ persuni ċivili Ukreni u anki suldati tal-forzi Ukreni.
Ir-Russja sparat missili u laqtet bosta binjiet fosthom blokka appartamenti viċin l-ajruport ta’ Zhuliany.
Il-President Ukren Volodymr Zelensky xejjen diċeriji li ċeda u f’filmat li ppubblika fuq twitter deher jitkellem fi triq prinċipali fil-qalba ta’ Kyiv.
Huwa qal li se jibqa’ mal-Ukreni u ħeġġeġ lin-nies biex jibqgħu jiddefendu l-kapitali.
Zelensky qal li l-Punent qed jibgħat l-armi għall-Ukrajna fosthom Franza hekk kif dalgħodu tkellem mal-President Franċiż Emmanuel Macron.
Rapporti semmew li l-Amerka riedet tmur għal Zelensky u toħorġu mill-pajjiż iżda hu rrifjuta.
Intant mal-mitt elf ċittadin Ukren qasmu l-fruntiera mal-Polonja hekk kif bosta ħarbu mill-gwerra u l-invażjoni Russa tal-aħħar jiem.
Fi żvilupp ieħor, it-tim nazzjonali Pollakk iddeċieda li ma jilgħabx kontra r-Russja waqt play-off ta’ logħba futbol fi kwalifikazzjoni għat-Tazza tad-Dinja.