Waqt laqgħa informali tal-Ministri għall-Affarijiet Barranin tal-Unjoni Ewropea fis-Slovenja, is-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej Stefan Zrinzo Azzopardi tkellem dwar il-koordinazzjoni fl-Unjoni Ewropea fir-rigward tal-pandemija.
Qal li meta qed naraw il-każi fl-Ewropa kollha jerġgħu jiżdiedu minħabba li reġa’ beda l-ivvjaġġar, jeħtieġ li tibqa’ tkun segwita s-sitwazzjoni u li l-istati membri jkunu lesti jirrevedu u jirfinaw fejn meħtieġ il-miżuri kollha li qed jittieħdu kontra l-pandemija.
Is-Segretarju Parlamentari Zrinzo Azzopardi stqarr ukoll li Malta qed tappoġġja l-pożizzjoni tal-Presidenza Slovena dwar it-tkabbir tal-Unjoni Ewropea, is-saltna tad-dritt u l-Pjan ta’ Azzjoni dwar id-Demokrazija.
Tkellem ukoll dwar il-programm tal-Presidenza Slovena fuq it-tibdil fil-klima u qal li Malta se tkun kostruttiva fid-diskussjonijiet li qed isiru waqt li żżomm fuq quddiem iċ-ċirkustanzi uniċi ta’ pajjiżna.
Stefan Zrinzo Azzopardi saħaq li jeħtieġ li jsir progress urġenti fuq il-Patt dwar il-Migrazzjoni u l-Ażil, partikolarment dwar il-mekkaniżmu tas-solidarjetà. Huwa stqarr li biex jieqaf it-tluq tal-migranti lejn l-Ewropa u jsir ir-ritorn tagħhom jeħtieġ li tiżdied il-kooperazzjoni mal-pajjiżi terzi.
Dwar it-tema tar-reżiljenza, qal li jeħtieġ li mill-pandemija l-Unjoni Ewropea toħroġ aktar b’saħħitha u li tkun tgħallmet mill-esperjenza li għaddejjin minnha.
Huwa qal li bla dubju l-istati membri għandhom ikunu dejjem preparati għal dak li jista’ jinqala’, u f’dan ir-rigward irrimarka dwar kemm hija siewja l-inizjattiva Ewropea dwar approċċ strateġiku dwar il-ġejjieni.
Stefan Zrinzo Azzopardi enfasizza l-ħtieġa li anke fil-futur, tissaħħaħ il-koordinazzjoni bejn l-istati membri kollha u anke ma’ pajjiżi terzi f’mument ta’ kriżi. Huwa tenna li f’mumenti bħal dawn huwa importanti li s-Suq Waħdieni Ewropew jibqa’ jiffunzjona għaliex għal gżira stat bħal Malta il-funzjonament ta’ dan is-suq huwa importanti immens.