Il-gazzetta KullĦadd żvelat kif fil-Moviment Żgħażagħ Partit Nazzjonalista, l-MŻPN, argumenti bejn dawk qrib il-Kap Nazzjonalista Bernard Grech u tal-fazzjoni tal-eks Kap Adrian Delia wasslu biex dawn tal-aħħar issa ħadu l-kontroll assolut.
F’laqgħa tal-MŻPN fl-aħħar jiem tqajmet kommossjoni kbira, b’riżultat li erba’ membri tal-MŻPN qrib l-establishment Nazzjonalista u l-Kap Bernard Grech spiċċaw irriżenjaw minnufih.
Din il-ġlieda wasslet biex taw ir-riżenja tagħhom il-President Miriana Testaferrata de Noto, li hi wkoll kandidata Nazzjonalista għall-Parlament Ewropew, il-Viċi President Kevin Curmi u l-membri Alexander Jacobsen u Miirko Sant.
Il-KullĦadd irrapportat li tal-fazzjoni Delia qajmu rewwixta kontra dawk ta’ Grech, b’argumenti li dawn ma kinux qed jaħdmu sew u lanqas jikkomunikaw mal-bqija, mhux l-inqas il-President.
Ġie rrapportat li l-President Miriana Testaferrata de Noto tiddependi ħafna fuq l-opinjoni tal-Viċi President Kevin Curmi, li jiġi minn Chris Said, minflok tikkonsulta mal-bqija tal-membri l-oħrajn.
It-temperatura fl-MŻPN kompliet tisħon wara li d-Deputat Alex Borg, li hu biċċa waħda mal-eks Kap Nazzjonalista Adrian Delia, infilsa lil ħuh David fil-fergħa, wara li kif żvelat il-KullĦadd ftit ġimgħat ilu seħħet riżenja ta’ oħra fil-fergħa. B’hekk l-MŻPN, li sas-sena l-oħra kellha biss rappreżentat wieħed minn Għawdex, f’daqqa spiċċat bi tlieta, tnejn tal-fazzjoni Delia u wieħed ta’ Said u l-establishment.
Fuq quddiem nett f’din il-ġlieda mill-fazzjoni tal-eks Kap kien hemm Thomas de Martino, Jean Paul Barbara u Nicole Zammit, li bdew jimmiraw għal karigi aħjar u li kienu okkupati minn dawk tal-fazzjoni tal-establishment.
Il-lealtà ta’ De Martino, Barbara u Zammit lejn Delia tmur lura għal żmien meta tal-aħħar kien għadu Kap Nazzjonalista, tant li kienu ħolqu fergħa oħra taż-żgħażagħ Nazzjonalisti, Team Start.
Jumejn biss wara din l-aħħar ġlieda fl-MŻPN, spiċċa jintervjeni s-Segretarju Ġenerali Michael Piccinino li laqqa’ fl-uffiċċju tiegħu fid-Dar Ċentrali lill-President uxxenti Miriana Testaferrata de Noto u dak li ħadilha postha Thomas de Martino.
F’din il-laqgħa, li wkoll kienet taħraq, Piccinino insista li dak li ġara m’għandux ikun pubbliku, bil-għan li ma jkomplux jidhru l-firdiet fil-pubbliku u għalissa Testaferrata de Noto għandha tibqa’ tidher xorta hi bħala l-President tal-MŻPN. Dawn l-aħħar żviluppi fissru li, minn Mejju li għadda meta seħħet l-elezzjoni, irriżenjaw b’kollox ħames żgħażagħ minn grupp ta’ 15 eletti.
Minn tagħrif li għandha l-KullĦadd, issa l-President il-ġdid Thomas de Martino ma jridx li ssir elezzjoni oħra biex ma jmorrux jidħlulhom oħrajn fl-għalqa.
B’hekk it-tmexxija l-ġdida tal-MŻPN bdiet mill-ewwel bil-manuvri biex tkompli ssaħħaħ postha fi ħdan il-partit.
Dan kollu jirrifletti d-diżastru li qed ikomplu jġibu l-firdiet interni, minkejja li Bernard Grech jinsisti li għandu Partit magħqud.