Sal-2020 huwa stmat li l-kundizzjoni tad-dipressjoni se tkun iżjed komuni mill-mard tal-kanċer u tal-qalb f’daqqa.
L-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa ddeskriviet id-dipressjoni bħala kriżi globali. Fil-fatt, rapport li sar f’Diċembru 2012 jgħid li d-dipressjoni qed tikkawża mard ieħor.
Huwa stmat li fid-dinja hawn 350,000,000 persuna li jbatu mid-dipressjoni. Minn stħarriġ li sar mill-Għaqda Dinjija għas-Saħħa Mentali fost sbatax-il pajjiż differenti rriżulta li medja ta’ wieħed minn kull għoxrin persuna rrappurtaw li għaddew minn perjodu ta’ dipressjoni, ċifra li kulma jmur qiegħda tiżdied.
Għaldaqstant l-isforzi biex din l-isfida tkun indirizzata qed jiżdiedu. Lil hinn minn mediċini qed ikunu skoperti metodi ġodda li qed iħallu riżultat pożittiv fosthom magna bl-isem ta’ rTMS, jew Repetitive Transcranial Magnetic Stimulation, li l-gazzetta l-Kullħadd rat u esperjenzat fi sptar privat f’pajjiżna.
Fi klinika ta’ sptar privat, l-ewwel ma ġibdet l-għajn kienet il-magna stess li tistħajjilha s-siġġu tad-dentist. Bid-differenza li dan is-siġġu m’għandux l-għodod tad-dentist li ħafna jistkerrħuhom imma minflok hemm mejda żgħira u magna blu u żgħira.
Fil-kamra fejn kien hemm il-magna kien hemm il-psikologu Mark Xuereb li permezz ta’ mudella uriena kif taħdem. Wieħed ipoġġi u fuq in-naħa tal-lemin tar-ras titpoġġa l-magna.
“Ir-riċerka dwar id-dipressjoni qiegħda tkompli tikber. Il-kunċett tal-magna huwa rivoluzzjonarju” stqarr il-psikologu Mark Xuereb li spjega kif il-magna rTMS hija approvata mill-Amministrazzjoni għall-Ikel u d-Droga (FDA) kif ukoll mill-Istitut Nazzjonali għas-Saħħa u l-Eċċellenza fil-Kura, li approvaw għal darba tnejn ir-riżultati pożittivi li qed tħalli l-magna; kemm fl-2008 u fl-2015. “Hemm evidenza kbira. Ilha tinħadem madwar id-dinja kollha f’ċentri prestiġjużi bħal Yale, Melbourne u Stanford. Magna illi qed isservi ta’ kura mhux biss għad-dipressjoni però wkoll għall-OCD, l-emigranja, il-fibromyalgia, u l- Parkinsons” spjega l-psikologu.
BIDLA F’TEMP T’GĦAXAR MINUTI
Il-kunċett huwa revoluzzjonarju. Dan għaliex qatt qabel f’temp t’għaxar minuti ma rajna magna li ticcarġja l-moħħ. Hija terapija li m’għandekx uġigħ, hija naturali, ma tħallix effetti u taħdem minn 70% għal 80%.
“Is-sodisfazzjon hu kbir, l-aktar meta tara persuni li jidħlu mdejqin u joħorġu aħjar, jiġifieri f’siegħa tnaqqas ir-rata ta’ depression u tneħħi ħsibijiet ta’ suwiċidju. “Ma kontx immur supermarkets issa nista’ mmur. Għandi enerġija biex immur ġogging u dak id-dwejjaq u t-toqol tal-uġigħ ta’ ras telaq’’ spjega Mark Xuereb.
FUNZJONI
“M’għandekx labar, ma tħallix effetti ta’ piż, ta’ funzjoni sesswali jew ħalq xott u lanqas ta’ memorja. Titlaq mill-brejk tax-xogħol u tagħmel għaxar minuti jew nofsiegħa. Tista’ tara t-televixin, titkellem u taqra,” spjega l-psikologu Mark Xuereb.
Xħin tkun qed tagħmel dan, ftit ’il bogħod minn rasek ikollok magna blu. Li jiġri l-magna tkun qed tiċċarġja l-moħħ.
“Il-kunċett ta’ kalamita fil-moħħ mhuwiex ġdid. Sa 300 sena ilu konna nafu li fiżiċista ta’ fama mondjali għamel il-prinċipju ta’ electromagnetic induction. Dan ifisser li hemm kurrent elettriku fil-moħħ għax għandna nervituri li minnhom jgħaddi kurrent zgħir. Hemm magnetic field jew aħjar forza ta’ kalamita madwar dak il-kurrent. Issa nafu fejn hu l-iswiċċ u bil-magna nerġgħu nixgħeluh u nagħtu l-ħajja lill-persuna.”
L-ESPERJENZA TIEGĦU BL-UŻU TAL-MAGNA
Il-psikologu Mark Xuereb qal li ilu juza l-magna madwar sena u ilu jitħarreġ fuqha għal dawn l-aħħar ħames snin.
‘’Is-sodisfazzjon huwa kbir meta naraw lil xi ħadd ipoġġi fuq din il-magna u fi żmien siegħa, siegħa u nofs, iċemplilna u jgħidilna li qed iħossu aħjar. Aħna għandna stejjer ta’ nies li qatt ma kienu joħorġu mid-dar, jibżgħu jmorru shopping jew lanqas jiċċaqalqu minħabba l-fibromyalgia. Issa nistgħu ngħidu li bil-mod il-mod qed nagħtu kontribuzzjoni biex inbiddlu l-kwalità tal-ħajja.
Snin twal ta’ riċerka wasslu biex issa nafu b’dan l-iswiċċ li jiċċarġja l-kalamita naturali fin-nervituri tal-moħħ. Hawnhekk għandna metodu li bih nistgħu ngħinu lin-nies fiż-żmien qasir. Ma ninsewx li l-pirmli u x-shock therapy jdumu ġimagħtejn biex jaħdmu, filwaqt li b’din il-magna f’siegħa qed naraw progress’’ temm jgħid il-psikologu.
Dan l-artiklu jinsab fil-gazzetta KullĦadd