Tnidiet kollaborazzjoni bejn il-GRTU u Revolut, li se twassal biex membri tal-GRTU jabbonaw mar-Revolut għal tliet xhur mingħajr ħlas. Dan bil-għan li eventwalment in-negozji jibdew jużaw is-servizzi offruti tar-Revolut minflok dawk minn banek tradizzjonali.
Revolut hija waħda mill-ikbar kumpaniji tat-teknoloġija finanzjarja li qegħdin jikbru fl-Ewropa u toffri servizzi bankarji mingħajr tariffi moħbija.
Il-President tal-GRTU Paul Abela qal kif il-GRTU dejjem saħqet għall-inqas spejjeż possibbli għall-membri tagħha, u Revolut għan-negozji hija pass pożittiv ħafna biex jintlaħaq dan il-għan:
“Revolut for business se tkun qisha credit card li ovvjament issa jkollha ir-retailer jew il-wholesaler li qed ibiegħ fil-ħanut mhux se jkollhu commission fuq is-sales li jagħmel”
Is-sur Abela qal li l-kollaborazzjoni ma’ Revolut se tgħin lin-negozji msieħba sabiex iżidu l-profitti tagħhom. Dan hekk kif fl-aħħar statistika kien innutat li s-settur kummerċjali baqa’ kemmxejn lura.
Huwa qal ukoll li kull tnaqqis fl-ispiża li jagħmel min ibigħ, se taffettwa b’mod pożittiv lill-konsumatur ukoll:
“Tal-ħanut, kull cost li jkollu irid jgħaddih. Irid iżid mal-ispejjeż li għandu, u din se tnaqqaslu parti mill-ispiża li qabel kien ikollu. Jiġifieri se tkun ta’ benefiċċju għall-konsumatur”.
L-ambaxxatur tar-Revolut f’Malta Philip Maurice Mifsud qal kif preżentament teżisti problema biex negozji jiftħu kontijiet f’banek tradizzjonali u sabiex igawdu minn rati tal-bank favorevoli. Iktar min hekk, il-banek ta’ spiss jimponu tarriffi oħra li ma jkunux evidenti. Permezz ta’ revolut din se ssir ħaġa tal-passat hekk kif it-tariffa li timponi tibqa’ dejjem l-istess u qatt ma jiġu imposti tariffi moħbija.
Preżentament erbgħin elf ruħ f’Malta għandha kont mar-Revolut. Minbarra servizzi tradizzjonali bħal depożiti u ħlasijiet, Revolut toffri wkoll il-faċilità ta’ bdil ta’ flus f’muniti oħra mingħajr it-tariffi u kummissjonijiet.