Is-Segretarju tad-Difiża Amerikan, Lloyd Austin irrevoka l-ftehim li kien qed jintlaħaq mal-akkużati tal-attakki tal-ħdax ta’ Settembru tal-2001.
Il-ftehim kien se jara l-prosekuzzjoni ma titlobx il-piena kapitali fil-konfront tal-imputati jekk dawn jammettu għall-involviment tagħhom fl-attakki li ħasdu ‘l fuq minn tliet elef ħajja.
Fil-fatt, Austin mar lura mill-ftehim li kien qed jintlaħaq mal-imputati, hekk kif tenna li minħabba s-sinifikat tad-deċiżjoni ftehimiet mal-imputati għandu jkun approvat minnu li fil-preżent għandu s-setgħat mogħtija lilu mill-liġi.
Din id-dikjarazzjoni ġiet fid-dawl li l-ftehim kien qed jiġi nnegozjat mill-Brigadier Ġenerali Susan Escallier.
Il-ftehim oriġinali kien ġab reazzjoni ta’ bosta nies influwenti u anki tal-familjari tal-vittmi li għarfu kif tali ftehim se jevita li jsir ġuri sħiħ li seta’ jwassal għall-piena kapitali.