F’digriet li tat, il-Maġistrat Donatella Frendo Dimech irrevokat deċiżjoni li ttieħdet mill-Qorti aktar qabel dwar divjett ta’ żewġ eks plejers tal-futbol, Darren Debono u Jeffrey Chetcuti.
Din ir-revoka waslet wara rikors mill-Prosekuzzjoni li qalet li issa ma hemmx il-ħtieġa li d-divjett jibqa’ jgħodd wara li lbieraħ filgħaxija tressqu l-Qorti tliet persuni mixlija b’ħasil ta’ flus ta’ miljuni ta’ ewro.
Il-Prosekuzzjoni qalet li dawn l-aħħar arresti kienu kruċjali għall-investigazzjoni.
Nhar it-Tlieta ġie rappurtat li l-Pulizija arrestat madwar għaxar persuni li allegatament huma involuti f’ċirku ta’ kuntrabandu tal-fjuwil.
Dan f’numru ta’ rejds madwar Malta biex jitwaqqaf ċirku kriminali.
Irrappurtat dan it-Times hekk kif spjegat li b’rabta ma’ dawn ir-rejds, l-eks plejers tal-futbol, Darren Debono u Jeffrey Chetcuti, it-Tnejn tressqu l-Qorti akkużati b’ħasil ta’ flus u kuntrabandu.
Din is-seduta saret wara l-bibien magħluqa u l-imputati ma ngħatawx il-ħelsien mill-arrest.
Sorsi kkonfermaw li r-rejds mid-Dipartiment tal-Pulizija għall-Investigazzjonijiet Finanzjarji, saru bejn it-Tnejn u kmieni t-Tlieta filgħodu madwar Malta kollha.
Huwa mifhum li l-Pulizija żammet profil baxx waqt li wettqet dawn ir-rejds hekk kif kien għad hemm numru ta’ persuni x’jiġu arrestati.
Fost l-arrestati wkoll kien hemm l-avukat Arthur Azzopardi li aktar tard ingħata l-police bail.
Ilbieraħ inżammu arrestati Shawn Higgans, Gordon u Yvette Debono.
Dawn tal-aħħar għandhom numru ta’ kumpaniji involuti fl-allegat ħasil ta’ flus.
Nifhmu li l-prosekuzzjoni tal-bieraħ fil-Qorti u dik kontra ż-żewġ eks plejers tal-futbol huma relatati.
Aqra wkoll:
https://www.one.com.mt/2020/11/25/tliet-persuni-tressqu-l-qorti-wara-li-gew-mixlija-bhasil-ta-flus-fuq-miljuni-ta-ewro/