Il-Kummissjonarju Elettorali Prinċipali jgħarraf li d-data tal-għeluq għar-reġistri elettorali għall-elezzjonijiet ġenerali, għall-kunsilli lokali u għall-Unjoni Ewropea riveduti li jmisshom ikunu ppubblikati f’Ottubru hi t-30 ta’ Settembru, 2018.
Il-persuni kollha ta’ nazzjonalità Maltija u tal-Unjoni Ewropea li għandhom 16-il sena u fuqhom u li isimhom ma jidhirx fir-reġistru elettorali ppubblikat f’April 2018 u li għadhom m’applikawx għar-reġistrazzjoni bħala votanti, għandhom japplikaw kemm-il darba jkollhom il-kwalifiki neċessarji.
Hu fl-interess tal-votanti reġistrati li jivverifikaw li l-partikolaritajiet personali tagħhom kif jidhru fir-reġistru elettorali ta’ April 2018 huma korretti. Għandhom ukoll jaraw li l-isem jew in-numru tad-dar, l-isem tat-triq kif ukoll in-numru tal-karta tal-identità tagħhom jidhru sewwa fir-reġistri msemmija.
Il-votanti reġistrati għandhom jgħarrfu lill-Uffiċċju Elettorali b’kull tibdil/korrezzjoni meħtieġa. Dawk il-persuni li jixtiequ japplikaw għar-reġistrazzjoni bħala votanti jew għal tibdil/korrezzjoni fir-reġistru elettorali, għandhom jagħmlu hekk billi japplikaw simultanjament għall-karta tal-identità elettronika fl-Uffiċċju tal-e-ID Cards (ċittadini Maltin) u għall-e-Residence Cards(ċittadini tal-Unjoni Ewropea). Aktar informazzjoni tista’ tinkiseb minn fuq il-website tal-Kummissjoni Elettorali (www.electoral.gov.mt) taħt is-sezzjoni ‘MISTOQSIJIET’.
Il-Kummissjoni Elettorali tixtieq tfakkar lill-pubbliku bil-faċilità online fejn wieħed jista’ jara jekk hux reġistrat bħala votant fl-aħħar reġistru elettorali ppubblikat. Dan jista’ jsir billi tidħol fis-sit elettroniku tal-Kummissjoni Elettorali (www.electoral.gov.mt) fis-sezzjoni ‘Pubblikazzjonijiet’ u tagħfas il-buttuna ‘Nista’ nivvota?’.
L-applikazzjonijiet kollha taċ-ċittadini Maltin iridu jaslu għand Identity Malta Agency, Gattard House, Triq Nazzjonali, Blata l-Bajda jew 28A, Pjazza San Franġisk, ir-Rabat, Għawdex u għal dawk iċ-ċittadini tal-Unjoni Ewropea l-applikazzjonjiet iridu jaslu għand Id-Dipartiment taċ-Ċittadinanza, Pjan Terran, Evans Building, Misraħ Sant’Iermu, il-Belt Valletta jew eResidence Card Unit, Ministeru għal Għawdex, Pjazza San Franġisk, ir-Rabat, Għawdex, MHUX AKTAR TARD MIT-30 TA’ SETTEMBRU, 2018.