Mill-Ġimgħa, min jinqabad isuq bil-mobile f’idu jeħel multa ta’ €200 minflok €100, filwaqt li minflok jitnaqqsu 3 punti, dawn telgħu għal 6.
Dan wara li daħlu fis-seħħ multi ġodda għal min jinqabad jikser ir-regoli tas-sewqan.
Il-multi li ġew emendati u miżjuda huma fuq kontravenzjonijiet li jistgħu jwasslu għal inċidenti serji. Dawn jinkludu l-użu tal-mowbajls u anke tal-earphones.
Dwar dan u iktar tkellimna mal-uffiċjal ta’ Transport Malta Gilbert Agius, li spjega l-għan aħħari wara dawn l-emendi fil-multi.
“Ma żdidux multi relatati mal-parking jew punti relatati mal-parking imma kontravenzjonijiet, multi u punti relatati mal-użu tal-mowbajl, one way, li tħalli l-vettura fin-nofs u tagħlaq l-influss tat-traffiku – jiġifieri kollox relatat mas-sigurtà fit-toroq tagħna.”
Huwa spjegalna wkoll wħud mill-multi mħarrxa, fosthom dik li tinqabad issuq biż-żewġ earphones f’widnejk.
“Qed ngħidu li inti dejjem trid tħalli l-widna ta’ mat-tieqa dejjem libera, jiġifieri ma tistax tilbes żewġ headphones jew earphones, jew taħgmel hands free fuq widna waħda u, jekk għandek karozza left-hand drive, trid tħalli l-widna vojta bil-kontra. Fuq mutur tista’ tuża anke headphone waħda, l-istess.”
Ġiet irduppjata wkoll għal mitejn ewro l-kontravenzjoni ta’ meta sewwieq isuq fuq dawl aħmar, fost oħrajn.
Dwar il-multa tal-użu tal-mowbajl waqt is-sewqan, Gilbert Agius spjegalna l-istatistika li xprunat lil Transport Malta li tkompli tenforza din il-kontravenzjoni.
“Minn statistika li għandna, 80 fil-mija tal-inċident li qed isiru, kemm fl-Unjoni Ewropea kif ukoll Malta, huma mill-użu tal-mowbajl, jiġifieri inti twieġeb il-mowbajl, taqra l-messaġġi, tibgħat il-messaġġi, u allura ridna noħolqu deterrent biex it-toroq tagħna jkunu aktar siguri.”