Il-Gvern, permezz tal-Ministeru għal Għawdex u l-Ippjanar, għaddej b’ħidma biex jirrevedi l-Liġi tal-Appell fil-proċess tal-permessi tal-bini.
Stqarrija mill-Ministeru qalet li permessi li jkunu għadhom fi stadju ta’ appell, se jibqgħu sospiżi sakemm jintemm il-proċess kollu tal-appell quddiem it-Tribunal tal-Ambjent u l-Ippjanar jew quddiem il-Qorti tal-Appell.
Ir-reviżjoni proposta fil-liġi, li kienet tħabbret mill-Prim Ministru fl-aħħar xhur, se tiġi ppreżentata lill-Kabinett fil-jiem li ġejjin.
Il-Ministru Clint Camilleri qal li r-reviżjoni tal-liġi se tassigura li ma jkun hemm l-ebda bidu jew tkomplija ta’ xogħol ta’ kostruzzjoni, f’każ fejn permess ikun għadu fi stadju ta’ appell.
Fl-istess ħin, ir-reviżjoni se tassigura li l-proċess tal-appell ikun aktar mgħaġġel biex id-deċiżjonijiet jittieħdu fl-inqas żmien possibbli, b’hekk il-proċess innifsu jkun aktar ġust ma’ kulħadd.