Dak li hu skart għalik jista’ jkun ta’ valur għal ħaddieħor, u dan huwa kunċett ġdid li l-WasterServ se tadotta bil-ftuħ tar-Reuse Centres. Dawn se jsiru f’erba’ ċentri tal-iskart goff: f’Ħal Far, Ħal Luqa, l-Imrieħel u Għawdex.
Għal dan l-għan, WasteServ nediet sejħa għall-offerti biex il-kontenituri tal-merkanzija jitbiddlu fi spazji innovattivi u tal-ogħla livell.
Dawn se joffru oġġetti bħal ċeramika, ġugarelli, kotba u biċċiet tal-għamara li għad għandhom valur u jistgħu jerġgħu jintużaw.
Il-Kap Eżekuttiv ta’ WasteServ, Richard Bilocca, qal li permezz ta’ dawn iċ-ċentri, il-WasteServ se tipprevjeni l-iskart billi tippromwovi l-użu mill-ġdid ta’ oġġetti.
Is-Sur Bilocca stqarr: “Il-poplu Malti jkollu aċċess għal dan is-servizz, servizz importanti fejn inti tkun qed tieħu oġġett tajjeb u dan l-oġġett ma jkunx qed jinħoloq mill-ġdid u nkunu qegħdin insalvawh milli jintrema.”
Il-Ministru Farrugia spjega li b’hekk pajjżna se jkompli jaħdem favur l-ekonomija ċirkolari.
Il-Ministru Farrugia qal, “Dawn se jibigħu permezz ta’ donazzjoni, ħa jinħoloq fond minnhom u mbagħad dawk il-fondi ħa jmorru għal proġetti ambjentali, inkluż ukoll il-konservazzjoni tal-proġett tan-naħal.”
Dan il-kunċett qed jikkumplimenta wkoll il-pjan tal-Gvern għall-immaniġġjar tal-iskart 2021-2030, billi jrawwem kultura ta’ użu effiċjenti tar-riżorsi u konsum sostenibbli.