Risette, restorant Malti li fetaħ fil-kapitali madwar sentejn u nofs ilu minn Matthew Ellul, għadu kif ingħata tliet unuri internazzjonali prestiġjużi għal din is-sena minn The Definitively Good Guide to Restaurants in Malta & Gozo.
Fil-fatt Risette, li jinsab f’Casa Ellul taħt il-Knisja tal-Karmnu fi Triq it-Teatru l-Antik, spiċċa jirbaħ il-kategorija tal-Aqwa Restorant Overall, l-Aqwa Ikel u anke l-Aqwa Servizz.
L-unuri annwali huma wkoll appoġġjati mill-brand VisitMalta tal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu.
Waqt li żorna r-restorant lussuż, tkellimna ma’ Steve Scicluna, wieħed mill-aqwa kokijiet f’pajjiżna u b’esperjenza f’restoranti ‘Michelin Star’ barra minn xtutna, bħal Clove Club f’Londra u Chapter One f’Dublin.
Hu qalilna li Risette joffri ikel stil ‘fine dining’, iżda, minkejja dan, xorta waħda jipprova jakkomoda l-gosti tal-klijenti tiegħu, waqt li jibdel il-menu tiegħu kull ġimgħa.
“Ovvjament din l-ewwel sena li rbaħna dawn l-unuri. Irbaħna l-unur ta’ best restaurant, best service u best food, tfisser ħafna, għax ovvjament jirrikjedi ħafna xogħol u meta tiġi ppremjat hu ħaġa li tieħu pjaċir biha.”
Steve Scicluna, Chef , Risette Restaurant
Scicluna jisħaq li regola waħda fundamentali għal kull platt li jiġi servut hi dik li dan għandu jkun fih biss prodotti friski.
Avolja l-livell tar-restorant hu wieħed għoli, hu kompla jistqarr magħna li, bħalissa, in-negozju tagħhom, bħall-bqija tal-catering, jinsab għaddej tajjeb ħafna.
“U bħalissa għandna suq tajjeb fejn jidħol bejgħ”.
Steve Scicluna, Chef , Risette Restaurant