Giuseppe Cali u Stefano Erardi.
Żewġ artisti Maltin tas-seklu sbatax u tmintax li ħallew legat mill-isbaħ ta’ xogħlijiet artistiċi f’pajjiżna.
Illum il-ġurnata dan il-legat kompla jissaħħaħ hekk kif seba’ pitturi minn tagħhom flimkien ma’ sebgħa oħra li kollha jinsabu fil-bażilika tal-Mosta ġew restawrati b’investiment ta’ ftit iktar minn €80,000 u li ħafna minnhom ġejjin minn Fondi Ewropej.
Crew ta’ ONE News żar il-Bażilika Minuri ta’ Marija Mtella’ s-Sema’ fil-Mosta fejn hemm hekk seta’ jara x-xogħol li sar fuq dawn il-pitturi mill-isbaħ u bi storja twila.
Hemmek tkellimna mal-Arċipriet tal-Mosta Dun Bastjan Caruana fejn spjega l-importanza ta’ dan il-proġett hekk kif ħafna mill-pitturi kienu fi stat ħażin ħafna. Proċess ta’ restawr li b’kollox ħa madwar 7 xhur.
Hu spjega: “F’post li jkun anke qed jgħaddi ż-żmien minn fuqu bla ma trid ċertu affarijiet ikollhom bżonn jiġu rrestawrati, mnaddfin anke biex wieħed propju jibża’ għal dak li ta’ qabilna ħallewlna u fost l-oħrajn hawnekk kien hawn dawn in-numru ta’ pitturi li ħsibna li nieħdu ħsiebhom u għażilna l-iktar kwadri li għandhom importanza.”
Dun Bastjan spjega wkoll kif ir-restawr ta’ dawn il-pitturi kienet okkażjoni sabiex tinbet kuxjenza fost il-pubbliku dwar l-istorja ta’ dawn ix-xogħlijiet.
Dun Bastjan sostna: “Dak li jkun sar jaf dawk il-kwadri x’jirrapreżentaw l-istorja, l-ġrajja, meta saru u nħoloq anke ċertu interess kulturali imma wkoll interess fl-istess suġġett li l-kwadru jkun qed jirrapreżenta. Pereżempju hemm ta’ San Duminku li joħodha kontra l-ereżiji li qed fi-Kappella tar-Rużarju u Santa Katerina ta’ Siena.”
Dan huwa t-tielet proġett mill-Fondazzjoni għall-Patrimonju Kulturali tal-Arċidjoċesi ta’ Malta li sar b’kofinanzjament ta’ 80% mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, wara l-inawgurazzjoni tal-Kappella tal-Bidnija u l-pittura tal-apside fil-Katidral ta’ San Pawl, l-Imdina. Aktar proġetti ta’ konservazzjoni u restawr f’għadd ta’ parroċċi oħra ser jiġu inawgurati s-sena d-dieħla.