Dawk kollha li jżuru l-Forti Rinella fil-Kalkara jaqbdu u jidħlu bla ma jaħsbuha darbtejn.
Madankollu 150 sena ilu l-istorja kienet differenti għax kull min ried jidħol fil-fortizza li kienet immexxija mis-suldati Ingliżi, ried jgħaddi minn fuq il-pont Guthrie, pont mekkaniku li kien jgħaqqad il-fortizza man-naħa l-oħra tal-foss.
F’każ ta’ attakk mill-art, il-pont kien jinġibed ’il ġewwa biex iżomm lil għadu milli jidħol fil-Fortizza li hija mibnija baxxa fl-art biex ma tispikkax minn fuq il-baħar.
Il-pont b’disnn tal-Inġinier Ingliz Charles T Gutrie tneħħa minn postu wara li fl-1920 tħalla fi stat ta’ abbandun.
Madankollu l-Fondazzjoni Wirt Artna flimkien mal-Grupp Eden ħabbru proġett b’investiment ta’ sittin elf ewro li ser jerġa’ jġib lura dan il-pont.
Iċ-Ċermen tal-Fondazzjoni Wirt Artna Mario Farrugia qal huwa kburi ħafna b’dan il-proġett li ladarba jkun lest, se jkun l-uniku eżempju tax-xorta tiegħu fid-dinja.
“Hawn interess kbir anke internazzjonali f’dan il-proġett għaliex hawn ħafna fortizzi li huma simili għall-Forti Rinella jiġifieri anke barra minn Malta, Bermuda eżempju, ġo l-Ingilterra stess, ġo l-Iskozja li għandhom interess għaliex anke huma interessati li forsi aktar ’il quddiem umbgħad jagħmlu l-istess ħaġa imma aħna qed inkunu il-pijunieri u dan ħa jkun l-ewwel wieħed li ħa jkun jaħdem fid-dinja.”
Qal li dan il-proġett ser isir b’ċikka hekk kif il-fondazzjoni ġew f’idejha standing orders li fihom kien hemm struzzjonijiet ta’ jitħaddem il-pont.
“Aħna biex ngħid hekk lucky ħafna għaliex ftit taż-żmien ilu skoprejna dan id-drill li mingħajru probabbilment ma konniex naslu għal dak li ħa nagħmlu llum jiġifieri li nagħmlu rikostruzzjoni u restawr tal-istess bridge għax ma konniex ċerti eżattament kif jaħdem għax sfortunatament ma hawn informazzjoni fuqhom dawn il-bridges qas fl-arkivji jiġifieri barranin.”
Dan il-proġett, deskritt bħala ħolma ta’ iktar minn tletin sena għal din il-Fondazzjoni mistenni jitlesta fi żmien sena u l-biċċa l-kbira tax-xogħol ser isir f’Malta.