Ġie inawgurat il-proġett ta’ restawr u konservazzjoni tal-pittura tal-Via Sagra fil-Knisja Santa Marija ta’ Ġesù, magħrufa wkoll bħala Ta’ Ġieżu, fil-Belt, li saret minn fondi tal-Fondazzjoni tal-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta.
Dan il-proġett, kien essenzjali għall-konservazzjoni ta’ din il-Via Sagra storika fi knisja antika fil-Belt Valletta, mibnija fl-1575.
Il-President tal-Malta Airport Foundation, is-Sur Joseph Formosa Gauci, stqarr dwar l-importanza ta’ dan il-proġett għall-industrija tat-turiżmu reliġjuż, li qed tikber b’mod konstanti, partikolarment matul iż-żmien ta’ festi reliġjużi bħall-Ġimgħa Mqaddsa u l-Għid il-Kbir.
Ir-restawratriċi ta’ din il-Via Sagra, Valentina Lupo qalet li l-għan ewlieni kien li dan is-sett jingħata l-ħajja fl-oriġini tiegħu. Studji dwar il-pittura wkoll juru xogħlijiet ta’ Francesco Zahra u Gian Nicola Buhagiar, artisti lokali prominenti.
Patri Ramon Farrugia OFM, il-Gwardjan tal-komunità Franġiskana, irringrazzja lill-Malta Airport Foundation għas-sapport finanzjarju fil-proġett, li qed jissodisfa d-dinja reliġjuża Maltija u jgħin lil dawk li jitolbu u jimmeditaw il-Passjoni tal-Mulej f’dan il-post sagru.