Tlesta l-proġett ta’ restawr fil-ġnien storiku Sir Alexander Ball f’Ħal Safi, li parzjalment kien iffinanzjat minn fondi Ewropej u fondi oħra mill-Ministeru għat-Turiżmu.
B’investiment ta’ mitejn u sittax-il elf ewro, ix-xogħlijiet involvew ir-restawr tal-faċċata u tal-ħajt min-naħa ta’ barra tal-ġnien, it-tħawwil ta’ arbuxelli indiġeni u siġar taċ-ċitru, u l-installazzjoni ta’ tabelli b’informazzjoni tad-diversi siġar u arbuxelli li hemm fil-ġnien.
Fl-istess waqt saret sistema ta’ irrigazzjoni għat-tisqija madwar il-ġnien kollu u gazebo fil-parti t’isfel tal-ġnien.
Is-Sindku Johan Mula qal li b’dan il-proġett, il-Kunsill Lokali mhux biss qed jippreserva l-wirt storiku imma ra li tiżdied l-aċċessibilità u jinħoloq spazju rikreattiv u edukattiv.
Mula nnota, “L-iskop tal-kunsill kien li apparti nagħtu dinjità mistħoqqa lil dan il-ġnien storiku li jmur madwar mitejn sena ilu, iservi wkoll ta’ rikreazzjoni għall-persuni li jżuru dan ir-raħa, għar-residenti u anki attrazzjoni għat-turisti minħabba li f’dan il-ġnien jitrabba n-naħal ukoll.”
Is-Segretarju Parlamentari Stefan Zrinzo Azzopardi, qal li bil-fondi Ewropej qed tittejjeb il-kwalità tal-ħajja tan-nies li qed ikollhom aktar spazji miftuħa xi jgawdu.
Hu stqarr, “Dan ix-xogħol sar ukoll bl-għajnuna ta’ fondi tal-Unjoni Ewropea mill-programm LEADER; fondi li verament ninvestuwhom fil-qalba tal-lokalità.”