- PROĠETT LI BEDA JITGAWDA MIN-NIES U MILL-GĦASAFAR
- REBBIEĦ TA’ KOMPETIZZJONI TA’ DIN L-ART ĦELWA
Illum kull min ikun għaddej minn Baħar iċ-Ċagħaq għal Buġibba jew fid-direzzjoni opposta jinnota l-ġmiel tas-Salini. Iżda, dawn mhux dejjem kienu hekk. Issa li qed jitgawdew mill-pubbliku u mill-għasafar sbieħ li tant jinżlu fuqhom ħarisna ftit lura lejn x’involva x-xogħol. Anke għax fl-aħħar ġimgħat il-proġett ta’ restawr rebaħ premju ta’ Din l-Art Ħelwa.
Wieħed malajr jista’ jistaqsi għaliex kien daqshekk importanti li s-salini jiġu rrestawrati fi żmien meta Malta m’għadhiex tiddependi daqshekk fuq il-manifattura tal-melħ.
Barra l-istat ħażin immens li kienu jinsabu fih u l-kruha estetika li kienu joffru max-xatt ta’ Baħar iċ-Ċagħaq minħabba t-telqa li kienu jinsabu fiha, is-salini għandhom ukoll valur storiku. Is-salini jmorru lura għas seklu 16, għal żmien il-Kavallieri meta l-produzzjoni tal-melħ kienet ħafna iktar importanti għall-pajjiżna. Dan għaliex dan kien jintuża fi kwantitajiet kbar speċjalment għall-preservazzjoni tal-ikel.
Kien wara maltempata kbira tal-2003 fejn il-qagħda tas-salini dehret li kienet fi stat allarmanti u kien hemm bżonn li tittieħed azzjoni kemm jista’ jkun malajr. Madankollu x-xogħol fil-proġett qajla mexa u wara żmien twil bil-proġett wieqaf għalkollox kien biss f’dawn l-aħħar tliet snin li x-xogħol fuq dan il-proġett irranka.
Dan il-proġett kien wieħed parzjalment iffinanzjat mill-Unjoni Ewropea biex b’hekk seta’ jsir il-proġett sħiħ li ġie jiswa seba’ miljun ewro.
Kif spjega is-Senior Engineer ta’ dan il-proġett, Andrew Vella, dan il-proġett kien wieħed uniku. Primarjament, dan minħabba li kellu jsir xogħol ukoll taħt l-ilma minħabba li din hi art imdawra bil-baħar. Il-kobor tal-art ukoll kompla jżid mal-isfidi fil-proċess ta’ restawr hekk kif l-art tkopri 90 tomna li hi l-qies ta’ madwar 14–il grawnd tal-futbol.
Fi kliem Vella “Dan kien proġett totalment differenti minn proġetti oħra. Jekk nibdew mid-dokumentazzjoni kellna nużaw laser scanning biex inkopru l-għadajjar tal-melħ li kellhom iċ-ċangatura.
L-akbar biċċa xogħol kien it-tiswija tal-ħajt tad-diga tan-naħa tas-Sokkursu l-Kbir li kien iġġarraf snin ilu u li minnu kien qed jidħol ħafna ilma u jfawwar l-għadajjar kollha.”
Meta mistoqsi jekk il-metodu ta’ restawr tas-salini kienx wieħed differenti minn ta’ salini oħra, Vella stqarr li għalkemm il-prinċipji prinċipali tar-restawr huma l-istess dawn il-prinċipji kellhom jiġu attwati b’modi differenti minn dawk tas-soltu minħabba l-ambjent li fih kellu jsir dan ir-restawr. “F’dan il-każ l-ambjent hu verament aggressiv minħabba li jinsab qrib il-baħar u l-ġebel hu kontinwament espost mhux biss għall-elementi iżda anke għall-melħ f’konċentrazzjonijiet kbar. Għalhekk ftit li xejn sar plastic repair li hu tikħil ibbażat fuq hydraulic lime li hu tip ta’ ġir. Minflok il-ġebel mherri u ddeterjorat inbidel u ġie mkaħħal b’taħlita li f’dan il-każ apparti hydraulic lime kellha wkoll siment low sulphate.
Ix-xogħol fuq is-salini kien jinvolvi wkoll riċerka estensiva fuq il-post innifsu u s-salini in ġenerali. “Fi proġett bħal dan issir riċerka bir-reqqa kemm f’fonti fejn wieħed ifittex issoltu imma anke ta’ ritratti antiki, kotba fuq is-salini u laqgħat ma’ diversi nies li jew studjaw jew inkella kienu jaħdmu f’dawn is-salini jew li għadhom jaħdmu f’xi salini oħra f’Malta.”
Dan il-proġett sewa tajjeb biex ikompli jipproteġi l-patrimonju f’pajjiżna u jerġa’ jirrestawra dan il-post fil-qagħda mistħoqqa bħala wirt storiku Malti.
BirdLife Malta ġiet fdata bit-tmexxija tiegħu u qed tlesti pjan komprensiv ta’ kif ser tmexxi u topera dan is-sit skont kif mitlub mill-Grant Agreement iffirmat mal-Gvern. Dan il-park jagħmel parti mis-siti ta’ Natura 2000. BirdLife Malta ser ikunu obbligati li jmexxu dan il-post f’qafas ta’ mmaniġġjar li jiġi approvat mill-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi.
Madankollu, se jkun tajjeb ukoll biex din l-art terġa’ tibda tintuża għal dak li orġinarjament kien l-iskop tagħha – il-produzzjoni tal-melħ. Il-post għalhekk issa jinsab mibdul f’attrazzjoni għall-Maltin u t-turisti fejn jistgħu jaraw b’għajnejhom is-sengħa tal-produzzjoni tal-melħ li issa tista’ terġa’ tibda tieħu l-ħajja. Tnejn mill-istrutturi mibnija se jintużaw biex jaħżnu l-melħ u biex jaħdmuh, jiġifieri kif kienu jintużaw fl-imgħoddi, waqt li t-tielet struttura se tintuża bħala mużew iddedikat għall-ħsad tal-melħ.
Min-naħa l-oħra, ix-Ximenes Redoubt se jintuża bħala ċentru għall-viżitaturi li jagħti informazzjoni fuq is-sit kollu – storja, arkeoloġija, ekoloġija: flora u fawna, ornitoloġija u l-użu tradizzjonali tas-salini.