Ġie inawgurat il-proġett ta’ xogħol ta’ restawr li sar fuq it-Torri ta’ Sant’Agata Ta’ Sdieri, li huwa magħruf bħala t-Torri l-Aħmar fil-limiti tal-Mellieħa. Ix-xogħlijiet saru kemm fuq barra kif ukoll fuq ġewwa b’investiment ta’ tliet mija u sitt elef ewro.
Il-proġett tat-Torri l-Aħmar sar b’kollaborazzjoni mal-għaqda mhux governattiva Din l-Art Ħelwa u hu ffinanzjat minn Fondi Ewropej u ko-finanzjat mill-Awtorità Maltija għat-Turiżmu.
Tneħħew affarijiet bla valur storiku li kienu twaħħlu mal-faċċati tat-torri u saru interventi fuq konsenturi u bdil ta’ ġebel li ddeterjora jew li kellu ħsarat.
Fuq ġewwa tat-torri sar xogħol estensiv fuq il-ħitan, restawr tal-art u restawr ta’ aperturi u mezzi tas-sigurtà oriġinali, kif ukoll ġew installati sistemi ġodda ta’ dawl u sigurtà.
Il-President tal-Għaqda Din l-Art Ħelwa, Alex Torpiano, tkellem dwar ix-xogħol li tagħmel l-għaqda.
Huwa spjega: “Din l-Art Ħelwa ilha 55 sena tagħmel ix-xogħlijiet bħall dawn u tagħmel kampanji favur kemm dawn il-monumenti storiċi u kemm favur l-ambjent naturali u urban ta’ pajjiżna biex ngħollu l-livell ta’ għarfien u biex ngħollu l-għożża ta’ dawn il-postijiet.”
Iċ-Chairman tal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu Dr Gavin Gulia qal li erbgħa minn kull għaxar turisti jfittxu destinazzjoni li toffri esperjenza kulturali u storika.
Huwa stqarr: “Skont il-Kummissjoni Ewropea, il-kultura u l-istorja tirrapreżenta 40% tat-turiżmu totali u allura erbgħa minn għaxar turisti jagħżlu destinazzjoni li hija bbażata fuq esperjenza kulturali kif ukolll storika.”
Il-Ministru għat-Turiżmu Julia Farrugia Portelli qalet li dan it-torri jattira lejh madwar 30,000 turist, u x-xogħol li sarlu jippreserva l-wirt storiku għall-ġenerazzjonijiet futuri.
Is-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej Stefan Zrinzo Azzopardi qal li proġetti bħal dawn jilħqu żewġ miri minn ħamsa li semma l-Prim Ministru Robert Abela bħala d-direzzjoni li se jkun qed jieħu l-gvern fis-settur tal-wirt nazzjonali.