Fil-ġimgħat li ġejjin se jibda x-xogħol ta’ restawr tal-Knisja tal-Giżwiti b’investiment ta’ iktar minn wieħed punt tnejn miljun ewro.
Dan tħabbar waqt li l-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, Owen Bonnici żar ix-xogħlijiet li jinsabu għaddejjin fuq l-Oratorju tal-Onorati fil-Knisja tal-Ġiżwiti, liema xogħol għandu jitlesta sal-aħħar tas-sena.
Ix-xogħol ta’ restawr tal-Knisja jikkonsisti f’tiswijiet fil-ġebel fejn hemm bżonn, tindif tal-ħitan, is-soqfa u l-koppla tal-Knisja kif ukoll tal-kappelli, titneħħa ż-żebgħa żejda u restawr tal-ħitan.
Se jiġu rrestawrati wkoll it-twieqi waqt li l-art tal-irħam se tiġi msewwija u illustrata mill-ġdid.
Fil-bidu ta’ din is-sena tlesta r-restawr tal-Oratorju tal-Immakulata Kunċizzjoni fil-Knisja tal-Ġiżwiti u x-xogħlijiet fuq is-Sagristija.
Il-Ministru Bonnici enfasizza l-importanza tar-restawr ta’ dawn il-postijiet ta’ wirt importanti, li jinsabu fil-qalba tal-Belt Kapitali.
Stqarr, “Se jispiċċa dalwaqt ix-xogħol fuq l-oratorju u issa se mmorru biex nirrestawraw l-intern ta’ din il-knisja. Dan se jkun proġett sabiħ immens li żgur se jinżel tajjeb ma’ ħafna nies li jħobbu l-aspetti storiċi tal-postijiet f’pajjiżna inkluż dan it-tempju tant sabiħ u tant qiegħed f’qalb il-Maltin u l-Għawdxin.”
Reverendu Nicholas Joseph Doublet, spjega kif dan ir-restawr jagħti lura lill-komunità lokali.
Qal, “Hawnhekk qegħdin fil-qalba ta’ dan il-kumpless tal-Ġiżwiti. Ħafna forsi kellhom l-opportunità jiġu hawnhekk għall-gradwazzjoni tagħhom. Qegħdin propju f’ċentru li jiġbor fih fost l-aqwa opri tal-Barokk u tal-arti Barokka f’Malta.”