B’investiment ta’ tletin elf ewro minn Fondi Ewropej ser tiġi restawrata l-Kappella ta’ Sant Andrija fiż-Żurrieq.
Din il-Kappella tinsab fit-tarf tar-raħal taż-Żurrieq ħdejn il-mitħna tax-Xarolla li wkoll għandha wirt storiku u kulturali għani. Il-Kappella u l-Mitħna huma klassifikati bħala Grad wieħed smill-Awtorità tal-Ippjanar u b’hekk għandhom l-ogħla protezzjoni.
L-allokazzjoni tal-fondi u r-restawr tħabbar mis-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej Stefan Zrinzo Azzopardi waqt żjara fil-lokalità, fejn saħaq l-importanza li nippreservaw dak li ħallewlna missirijietna.
Qal kif, “Il-Kappella ta’ Sant’Andrija fiż-Żurrieq hija binja tas-seklu sbatax u kienet teħtieġ restawr estensiv kif qed naraw warajna u permezz ta’ fondi Ewropej mill-Programm Leader dan il-proġett ta’ restawr qiegħed isir. Dan huwa mod anke kif fil-lokalitajiet naraw li jkollna aktar proġetti ta’ restawr li nkomplu nħarsu dan il-patrimonju.”
Ix-xogħlijiet li għaddejjin bħalissa jinkludu r-restawr tal-ħitan esterni tal-knisja u l-ħitan tal-bitħa li jdawru l-kappella. B’dan l-investiment qed isir tindif tal-faċċata ta’ din il-kappella, se jitneħħew kwalunkwe ġibs kif ukoll se jsiru interventi fl-istruttura bil-għan li tissaħħaħ il-binja.
Is-Sindku taż-Żurrieq Rita Grima qalet kif dan l-investiment mistenni jkompli jattira lejn iż-Żurrieq diversi turisti fil-ġejjieni.
Spjegat, “Hawnekk jiġu ħafna turisti u żrieraq biex jiġu fil-madwar u xħin jiġu hawnekk meta tkun lesta ħa japprezzaw iżjed il-wirt kulturali taż-Żurrieq.”