Jiem qabel man-Naxxarin jiċċelebraw il-festa ta’ Marija Bambina, ġie inawgurat xogħol ta’ restawr fuq l-iktar inkwatru importanti fil-knisja.
Kien f’Novembru li għadda, li t-titular tneħħa mill-knisja biex jerġa’ jkun fl-istat li jixraqlu.
Ir-restawratur Luca Gatt Pace Moore spjega kif l-intervent beda fuq in-naħa ta’ wara tal-inkwatru, xogħol l-artist Giuseppe d’Arena.
“Il-pittura kellha problemi li kienu twaħħlulha dal-biċċiet ta’ tila u bdiet titkemmex fil-partijiet ċentrali tagħha. Dawn kienu saru għax l-inkwatru kien intlaqat matul is-snin b’inċidenti u allura l-intervent beda min-naħa ta’ wara.”
Ir-restawratur qal li sar it-tindif fuq quddiem ukoll u tneħħa l-verniċ wara akkumulazzjoni ta’ trab u materjal ieħor li tappan l-estetika ġenerali tal-inkwatru.
“Wara dal-proċess, sar il-konsolidament taż-żebgħa, jiġifieri ż-żebgħa reġgħet twaħħlet lura mat-tila. Sar l-intervent fuq it-tiċrit li reġa’ ngħaqad biex ovvjament tinħoloq kontinwazzjoni fil-pittura u t-tila tħalliet dik oriġinali jiġifieri ma reġgħetx tweħħlet ma’ tila oħra.”
Fil-proċess kellu jinbidel it-tilar u sar tal-aluminju li għandu sistema ta’ molol li jespandu skont il-bżonn minħabba l-umdità.
Sar ukoll l-irtokk u l-verniċ biex jipproteġu kontra t-trab u d-dawl.
Dan l-inkwatru juri x-xena tat-twelid tal-Madonna, bil-ġenituri, l-anġli u l-qaddejja fl-isfond.
Ir-restawratur żagħżugħ qalilna xi jfisser għalih li rrestawra titular.
“Huwa ċ-ċentru biex ngħidu hekk tal-knisja jiġifieri dan huwa l-aktar inkwatru importanti għall-knisja u għall-parroċċa jiġifieri għalija hija xi ħaġa sabiħa ħafna li nkun qed nirrestawrah u naf ukoll l-attenzjoni li jagħtuh in-nies tan-Naxxar, kemm huwa importanti għalihom dan l-inkwatru.”