Id-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi qed iwettaq diversi xogħlijiet ta’ restawr u manutenzjoni fuq binjiet storiċi madwar il-pajjiż, bil-għan li jiġu mħarsa u ppriservati. Wieħed minn dawn il-proġetti jinkludi r-restawr fuq il-Knisja tal-Agostinjani ta’ San Mark, li tinsab fir-Rabat.
Ix-xogħlijiet fuq dan il-maqdes huma kkonċentrati fuq il-kampnar tiegħu, li nbena fl-1910.
Fi żjara fuq il-post, is-Segretarju Parlamentari responsabbli Omar Farrugia seta’ jara l-iżvilupp tal-proġett, li qed isir b’investiment ta’ kważi kwart ta’ miljun ewro.
Farrugia tenna li d-dipartiment qed jimpenja ruħu li jirrestawra dan il-kampnar, li jagħmel parti mill-Kunvent tal-Agostinjani, bil-għan li x-xogħlijiet kollha li jsiru jirrispettaw b’mod assolut l-estetika u d-disinn oriġinali.
Saħaq li l-istrateġija tal-Gvern hi li tiżgura li postijiet storiċi simili jkunu jistgħu jibqgħu jitgawdew aħjar u fl-aqwa kundizzjoni, waqt li jservu ta’ attrazzjonijiet.
Qal, “L-istrateġija tal-Gvern u tad-Dipartiment għax-Xogħlijiet Pubbliċi hi xprunata mill-impenn li noħolqu aktar spazji miftuħa għall-komunitajiet tagħna, iżda wkoll li nippriservaw u nħarsu dak li bnew missirijietna matul iż-żminijiet biex nibqgħu ngawduh matul iż-żmien li ġej.”
Marvienne Camilleri, il-Perit responsabbli mill-proġett, spjegat kif, fil-bidu tal-proċess ta’ restawr, se jitneħħa l-metall kollu li qed jikkawża ħafna ħsarat, waqt li se jinbidlu wkoll il-ġebel u l-balavostri li għandhom ħsarat ma’ oħrajn ġodda identiċi.
Minbarra xogħlijiet ta’ restawr, se tkun qed tiġi installata sistema ġdida ta’ dawl u ta’ konsum baxx biex iddawwal u tenfasizza l-estetika u l-arkitettura ta’ dan il-kampnar, kif ukoll sistema biex tipproteġi din il-binja mill-maltemp u s-sajjetti.
Għalkemm il-livell kbir ta’ ħsarat, il-Perit qalet li x-xogħlijiet mistennija jitlestew f’Diċembru li ġej.
Qalet, “Hemm ukoll il-bdil tal-ġebla, jiġifieri dan kien hemm bżonnu, għax ħafna minnhom, partikolarment fil-quċċata, instabu fi stat avvanzat ta’ deterjorazzjoni, biex ovvjament ir-riżultat ikun wieħed sodisfaċenti.”
Min-naħa tiegħu, Patri Raphael Abdilla mill-Kunvent tal-Agostinjani qal li l-kampnar għandu sinifikat importanti, anke minħabba l-parti tar-Rabat fejn jinsab.
Qal, “L-importanza tiegħu, bħala kampnar, hawnhekk ir-Rabat, għax jiddomina. Kif wieħed jasal ir-Rabat tiddomina l-veduta tal-post, anke parti kbira minn Malta.”
Jakkumpanjaw lis-Segretarju Parlamentari f’din iż-żjara fuq il-post kien hemm id-Direttur Ġenerali tad-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi, Stephen Bonello, u s-Sindku tar-Rabat, Sandro Craus.