Tlesta x-xogħol ta’ restawr fuq il-faċċata tal-Knisja Arċipretali ta’ San Gejtanu fil-Ħamrun.
Il-proġett ta’ restawr sar b’total ta’ mitejn elf ewro, li biċċa kbira minnu ġie kofinanzjat minn fondi tal-Unjoni Ewropea.
Ir-restawr ġie inawgurat proprjament fil-festa liturġika ta’ San Gejtanu u fil-ġimgħa tal-festa ta’ dan il-patrun.
Permezz ta’ dan il-proġett, li għalih ikkontribwixxew ukoll il-parruċċani tal-Ħamrun, tnaddfet il-ġebla tal-faċċata li kienet esposta għat-tniġġis tal-arja u tbiddel il-ġebel immermer, li kien espost għall-elementi naturali.
Il-knisja nbniet bejn l-1869 u l-1875 fuq id-disinji ta’ Giorgio Costantino Schinas.
L-Arċipriet tal-Ħamrun, Dun Walter Cauchi qal li x-xogħol ta’ restawr beda sena ilu.
Huwa żied jgħid li b’dan l-investiment, ġew irrestawrati wkoll l-aperturi tal-injam u tal-metall tal-faċċata tal-Knisja, li wħud minnhom kellhom anki ħġieġ imxaqqaq.
Qal, “Din il-Knisja ilha ma tara, jekk qatt rat restawr tal-faċċata minn mindu twaqqfet, inbniet madwar l-elf tmien mija u tmenin. Kien hawn struttura li kienet żdingata tant u hekk li kien hemm strutturi li kont kważi tista’ ddaħħal idejk ġo fihom.”
Is-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej, Chris Bonett, qal li l-Gvern hu mpenjat li jkompli jwettaq diversi proġetti u inizjattivi li jħarsu l-preservazzjoni, ir-restawr u r-riabilitazzjoni tal-wirt kulturali ta’ pajjiżna, minbarra l-investimenti li qed tagħmel fil-komunitajiet Maltin u Għawdxin.
Stqarr, “Dan huwa proġett li huwa għal qalbi, għax il-Gvern flimkien mal-Kurja, flimkien mal-popolazzjoni tal-lokalità, qed naħdmu flimkien biex nippriservaw dak li huwa l-patrimonju kulturali tagħna u qed nagħtuh lura lin-nies b’valur kuturali u anke u turistiku.”
Min-naħa tiegħu, l-Isqof Awżiljarju Joseph Galea Curmi qal li x-xogħol li sar għandu jgħin biex il-bini tal-knisja jinżamm fi stat tajjeb ħafna, ħalli l-knisja tkun tista’ tilqa’ fiha lil kull min jaċċetta l-istedina biex jinġabar fiha bħala parti mill-poplu ta’ Alla.
Is-Segretarju Amministrattiv tal-Arċidjoċesi ta’ Malta, Michael Pace Ross, irringrazzja lil Vaults li wettqu xogħlijiet ta’ restawr, lill-Perit Ramon Gauci, u lill-EMCS għas-servizz ta’ konsulenza.