GasanMamo Insurance qed tkompli tgħin lill-Arkivji Notarili bl-appoġġ għall-konservazzjoni tat-tieni volum ta’ dokumenti tan-Nutar Placido Abela, nutar li x-xogħol tiegħu jinkludu kuntratti importanti li għandhom x’jaqsmu mal-Belt Valletta.
Placido Abela hu wieħed minn nutara tal-bidu li nsibu fl-Arkivji Notarili. Ix-xogħol tiegħu ikopri s-snin ta’ bejn l-1557 u l-1595, iżda minn xogħlu jinsabu biss erba’ volumi. Fost il-klijenti tiegħu nsibu ħafna kavallieri, fosthom il-Granmastru de Valette, il-famuż korsar Romegas u anki membri mlaħħqin tal-kleru, bħall-Isqof Cubelles. Minbarra kuntratti li jirreferu għall-piraterija, il-bejgħ tal-ilsiera, wirt, djun u kuntratti ta’ xogħol, Placido Abela kellu x’jaqsam ukoll fil-kuntratti tat-tqassim tal-art tal-Għolja Sceberras, li fuqha nbniet il-Belt Valletta.
L-atti fir-reġistri tiegħu ta’ bejn l-1569 u l-1578 għandhom informazzjoni prezzjuża dwar l-ewwel bini, residenti u l-ismijiet tat-toroq tal-Belt Valletta u jinkludu riferenzi għall-ismijiet importanti bħal dawk ta’ Francesco Laparelli u Girolamo Cassar. Għalhekk dawn id-dokumenti għandhom fihom materjal imprezzabbli għall-istudju tal-iżvilupp urban tal-Belt li huma relevanti ħafna għall-istorja tal-belt kapitali tagħna. Il-konservazzjoni ta’ dawn il-volumi hija prijorita’ speċjalment bħalissa meta l-Belt qed tgawdi r-rwol ta’ Belt Kapitali Kulturali 2018.
“Il-mod ta’ kif jiġu kkonservati dawn il-manuskritti jirrikjedi ħafna xogħol ta’ reqqa bħal tiswija u tisħieħ estensiv biex jitneħħew xi tbajja tal-inka li jkunu mermru l-karta u tibdil tal-qoxra tal-manuskritti b’materjal modern u b’saħħtu iżda bi stil simili u li jikkumplimenta
s-seklu 16. Inħolqot ukoll kamra apposta fejn jistivaw dawn id-dokumenti bl-akbar protezzjoni għall-futur. Aħna nqisu l-involviment tagħna f’dan il-proġett ta’ konservazzjoni tad-dokumenti notarili bħala unur u privileġġ u se nkomplu nappoġġaw l-Arkivji mhux biss f’din is-sena sinifikanti għal Malta u għall-Belt Valletta, iżda anke fil-futur,” qal Mark Mamo, General Manager ta’ GasanMamo Insurance.
Matul l-iskema tal-adozzjoni, l-Arkivi Notarili ħadmu bla heda biex iħajru studenti u jrawmu fihom l-interess biex jippreservaw il-wirt nazzjonali li jinsab fil-kitba. Dan il-volum ġie restawrat b’suċċess mill-gradwati ġodda Chanelle Briffa u Simon Sultana Harkins taħt is-supervizzjoni ta’ Dr. Theresa Zammit Lupi, Kap tal-Konservaturi. Dawn iż-żewġ gradwati għandhom l-appoġġ sħiħ tal-Fondazzjoni tal-Arkiviji Notarili u l-Uffiċċju tan-Nutur Ġenerali tal-Gvern sponsorjahom f’taħriġ speċjalizzat fil-West Dean College fir-Renju Unit biex l-istudji tagħhom ikunu ta’ benefiċċju u jissalvagwardjaw il-wirt nazzjonali tal-kitba għall-ġenerazzjonijiet tal-futur.
Ritratt: wara r-restawr