Is-Segretarju Parlamentari Chris Agius ħabbar li fiż-żmien li ġej se jibda x-xogħol ta’ restawr fuq il-barumbara f’San Ġwann t’Għuxa, Bormla. Din il-barumbara hija binja antika li l-Bormliżi antiki jirrakkontaw kif dejjem jafuha hemm u tkun ħasra jekk tintilef.
Dwar din l-aħbar, il-gazzetta KullĦadd tkellmet mas-Sindku ta’ Bormla Alison Zerafa Civelli.
“In-nies ħadet nifs għaliex il-biża’ kien li nitilfu din il-binja storika jekk tibqa’ fl-istat li qiegħda,” qalet is-Sindku.Biswit din il-barumbara teżisti binja f’forma ta’ sala li ġġib l-annu 1881. Skont dak li rrakkontawlna l-anzjani jidher li xi darba din kienet inbniet biex fiha jinżammu laqgħat minn nies nobbli jew importanti. “Ħasra li din il-binja tħalliet fl-istat li qiegħda llum u minflok aperturi tal-injam illum wieħed jara ċnagan u bieb ta’ garaxx. Din il-barumbara hija parti mill-patrimonju Malti li jistħoqqilha kull attenzjoni u restawr,” qalet is-Sindku.
Żiedet li l-Kunsill Lokali ta’ Bormla talab ukoll li titnaddaf iż-żona tal-madwar fejn id-Direttorat tat-Tindif mill-ewwel laqa’ t-talba u bagħat il-ħaddiema fuq il-post. “Din l-aħbar kienet importanti għalina l-Bormliżi u għal dawk kollha li għandhom għal qalbhom il-wirt u l-patrimonju ta’ pajjiżna,” qalet is-Sindku.