Tlesta xogħol ta’ restawr fuq żewġ kappelli storiċi tas-seklu sbatax fil-Għargħur.
Dan ix-xogħol fuq il-kappelli ‘taż-Żellieqa’ u ‘ta’ Bernarda’ sar b’investiment ta’ mija u sebgħin elf ewro kofinanzjati mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali.
Ix-xogħol estensiv fuq iż-żewġ kappelli, involva restawr minn ġewwa u minn barra, filwaqt li l-kappella taż-Żellieqa sarilha xogħol ukoll fuq iz-zuntier.
Għall-inawgurazzjoni ta’ dan ir-restawr kien hemm l-Isqof Awżiljarju Joseph Galea-Curmi, li nnota d-dover li bħala poplu nieħdu ħsieb nikkonservaw il-wirt li ħallewlna ta’ qabilna.
Qal, “Billi nieħdu ħsieb dan il-patrimonju artistiku u kulturali u Kattoliku u anki nħalluh għal ta’ warajna biex huma wkoll jistgħu fih isibu l-għajn għal dawk il-valuri umani sbieħ li jibnu s-soċjetà.”
Is-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej qal li permezz ta’ fondi bħal dawn, il-Gvern qiegħed jinvesti fil-qalba tal-lokalitajiet Maltin u Għawdxin.
Spjega, “Fil-fatt ġew investiti madwar mija u sebgħin elf ewro fuq iż-żewġ proġetti illi qegħdin jagħtu ħarsien lejn dan il-wirt mill-isbaħ f’din il-lokalità kif ukoll ħarsien biex dan il-wirt mill-isbaħ jibqa’ jitgawda. Dawn huma proġetti li permezz tagħhom qegħdin ninvestu fondi tal-Unjoni Ewropea fil-qalba tal-lokalitajiet.”
Is-Segretarju Amministrattiv tal-Arċidjoċesi, Michael Pace Ross innota l-impenn tal-parroċċa fil-konservazzjoni tal-wirt tagħha, li rrestawrat ukoll l-inkwatru titulari li juri t-Tlugħ tal-Verġni Marija fis-Sema fil-kappella taż-Żellieqa.