Ġie inawgurat ix-xogħol estensiv ta’ restawr li sar fuq il-kwadru tal-qtugħ ir-ras ta’ Santa Katerina ta’ Lixandra fil-Knisja Arċipretali taż-Żurrieq.
Il-kwadru kien inħadem fl-elf seba’ mija u ħamsa u ħamsin mill-pittur Malti Francesco Vincenzo Zahra flimkien ma’ missieru l-arkitett u skultur Pietro Paolo Zahra.
Minn riċerka li saret dwar din il-pittura jidher li din kienet tifforma parti minn żewġ kwadri laterali li kienu ġew ikkummissjonati għal fuq il-bibien tal-kapppelluni tal-knisja.
Il-kwadru tal-qtugħ ir-ras jifforma parti minn ċiklu ta’ xeni mill-ħajja ta’ Santa Katarina ta’ Lixandra li l-istess pittur Francesco Zahra ħadem għall-Knisja taż-Żurrieq f’nofs is-seklu tmintax.
F’kummenti, ir-Restawratur mill-kumpanija Prevarti spjega kif studji wrew li fil-passat dan il-kwadru ntmess miż-żebgħa u għalhekk kellu jitnaddaf: “Il-kwadru ħadnih biex nieħdu X-rays, biex nanalizzaw l-istat tal-pittura minn taħt biex finalment niddeċiedu jekk l-intervent li tneħħa ż-żebgħa minn fuq oħra, huwiex possibbli. Fil-fatt ir-riżultati tal-x-rays deher illi ż-żebgħa ta’ taħt qiegħda hemm b’mod konsiderevoli, il-kwalità hija tajba u dehru d-daqqiet tal-pinzell tipiċi ta’ Zahra u għalhekk il-proċess tat-tindif beda.”
Ġie spjegat ukoll kif matul iż-żminijiet, dan l-kwadru sofra minn deterjorazzjoni.
Ir-restawr ta’ din l-opra artistika tal-pittur Francesco Zahra saret minn fondi Ewropej permezz tal-Fondazzjoni GalXlokk u b’għajnuna finanzjarja ta’ benefattur miż-Żurrieq.
Intant, l-inawgurazzjoni tal-kwadru saret bħala parti mill-festa liturġika ta’ Santa Katarina Patruna taż-Żurrieq.
Din il-pittura se tkun ghall-wiri ghall-pubbliku fil-Knisja matul dawn il-jiem tal-festa.