Fl-ikbar ċimiterju f’pajjiżna, dak tal-Addolorata għaddej xogħol ta’ restawr fuq il-binjiet f’dan il-post.
F’dan il-post li nbena f’nofs is-seklu dsatax, hekk kif il-Maltin ta’ dak iż-żmien riedu li jkollhom ċimiterju Kattoliku barra mill-bliet u l-irħula, sar restawr fuq il-binjiet li hemm fid-daħla ta’ din il-binja.
Bħalissa għaddej ir-restawr ukoll fuq il-kappella ta’ dan iċ-ċimiterju.
Dwar dan ir-restawr, tkellimna mal-Kap Eżekuttiv tas-Sovrintendenza tal-Wirt Kulturali Kurt Farrugia.
Huwa spjega magħna kif dan ix-xogħol qed isir wara li biż-żmien, bini differenti fiċ-ċimiterju sofra minn diversi ħsarat.
Qal li l-Kappella fuq stil Neo-Gotiku hija waħda imprezzabbli u jixraq li tingħata dawra sew.
Qal, “Qed isir ir-restawr tal-ġebel li huwa deterjorat, apparti d-deterjorazzjoni mill-elementi u l-binjiet sofrew matul iż-żmien ħsarat oħra, bħal sofrew ħsara fit-Tieni Gwerra minn attakki mill-ajru, kif ukoll ħsarat waqt maltempati, bħal eżempju waqgħu partijiet ta’ siġar fuqhom. Il-binjiet għandhom arkitettura delikata, illi bi ftit sforz tista’ isirilhom ħsara faċilment.”
Kurt Farrugia qal kif f’pajjiżna għandna wirt kulturali, bħal dak tal-Addolorata li rridu nibżgħu għalih.
Spjega, “Huwa ta’ arkitettura Neo-Gotika, wieħed mill-ftit eżempji ta’ dak l-istil ta’ arkitettura li għandna. Jiġifieri huwa importanti, mhux waħdu iżda l-ħafna binjiet li għandna f’dan il-pajjiż illi jiġu salvagwardjati, restawrati biex jitgawdew mill-ġenerazzjonijiet, sew tal-lum u tal-futur.”