Wasal fl-aħħar fażi tiegħu l-proġett ta’ Villa Lauri, li sa nofs is-sena d-dieħla se tibda tilqa’ fiha l-istudenti Għawdxin li jistudjaw Malta.
Villa Lauri f’Birkirkara, se tinbidel f’post ta’ akkomodazzjoni għal dawn l-istudenti wara li sar ftehim bejn il-Gvern u l-Patrijiet Franġiskani.
Fil-gżira tat-tliet għoljiet il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri spjega x-xogħlijiet maġġuri li saru, anke sabiex issa fix-xhur li ġejjin isiru l-aħħar preparamenti meħtieġa.
Il-Ministru Camilleri stqarr, “Ftit tal-ġimgħat ilu propju lestejna x-xogħol strutturali ta’ Villa Lauri, fejn għamilna l-emendi neċċessarji, żidna ammont ta’ sulari u sabiex issa wara li jibdew ix-xogħlijiet fejn jidħlu t-tlestija tal-istess post u wara jkun jista’ jilqa’ l-ewwel studenti Għawdxin fih.”
Il-binja hija waħda li għandha valur storiku, xi ħaġa li ġiet riflessa wkoll fix-xogħlijiet. Il-permess li kien ġie approvat fl-elfejn u dsatax kien jaħseb biex Villa Lauri jkollha tlieta u tletin kamra.
Tmienja u għoxrin minn dawn il-kmamar huma mmirati għall-istudenti filwaqt li ħames kmamar oħra se jkunu ddedikati għall-pazjenti Għawdxin u qrabathom li jaqsmu lejn Malta biex jieħdu l-kura fl-isptarijiet.
Il-Ministru Clint Camilleri qal kif dan il-proġett se jkompli jtaffi mill-piżijiet li għandhom dawn l-Għawdxin.
Hu sostna, “Qegħdin naraw li dan il-proġett ikun lest sa nofs is-sena d-dieħla. Dan huwa proġett importanti li se jtaffi mill-problema li jiltaqgħu magħha ħafna Għawdxin fejn tidħol akkomodazzjoni, però aktar minn hekk ukoll għaddejjin b’numru ta’ proġetti oħrajn u niffaċilitaw il-ħajja tal-Għawdxin.”
Permezz ta’ dan il-proġett, il-Gvern għal darb’oħra se jkun qed iwettaq wegħda oħra mal-istudenti Għawdxin li jaqsmu lejn Malta sabiex ikomplu bl-istudju tagħhom f’waħda mill-istituzzjonijiet edukattivi tal-pajjiż.
Intant, jikkumplimenta dan il-proġett hemm bosta skemi u miżuri oħra, fosthom is-sussidju tal-kera li jingħata ta’ kull xahar lil dawn l-istudenti u issa s-servizz bżonnjuż tal-fast ferries.