Il-Prim Ministru Joseph Muscat qal li hemm responsabbiltajiet ċari f’każi ta’ inċidenti f’siti ta’ kostruzzjoni. Il-Prim Ministru kien qed jikkummenta fuq ONE Radio waqt intervista rrekordjata li se tixxandar għada.
Spjega li dan l-inċident irid jittieħed f’kuntest ta’ inċident ieħor li jidher simili, ta’ boom fis-settur tal-kostruzzjoni u tal-fatt li n-nies jistaqsu kif f’każijiet bħal dawn il-kwistjonijiet tas-sigurtà u l-ħajja umana se jkunu protetti. Mingħajr ma daħal fil-mertu tal-każ innifsu, biex ma jippreġudikax l-investigazzjonijiet, il-Prim Ministru kien ċar.
“Ir-responsabilitajiet huma ċari f’każijiet simili. Għandek professjonisti li jiffirmaw il-karti, għandhom warrant għal dawn l-affarijiet u hemm kuntrattur li jrid jimxi mal-istruzzjonijiet li jagħti l-perit. Fl-aħħar mill-aħħar ir-responsabilitajiet hemm huma ċari u ma jistgħux jiġu maħruba minn imkien u bl-ebda argumentazzjoni oħra,” qal il-Prim Ministru li fakkar kif il-gvern mhux jistenna każi bħal dawn biex jaġixxi.
“Diġa’ ħabbarna li se ngħaqqdu l-entitajiet regolatorji kollha f’awtorità waħda li tidħol biex tgħasses iktar mill-qrib xogħlijiet simili li jkun qed isiru. Sal-lum il-ġurnata għandna l-planning authority li tista’ tapplika għandha imma mhix responsabbli għal ċerti affarijiet oħra. Hemm numru ta’ entitajiet bħal BRO, bħal numru ta’ bordijiet oħra li se nikkonsolidawhom flimkien. Tlabt li jitħaffu l-miżuri li jittieħdu interim biex ikun hemm iktar point of call wieħed ta’ responsabbiltà ċara li għandu x’jaqsam ma’ enforcement u regolamentazzjoni.”
Qal li l-gvern f’dan il-qasam ma jidħolx f’ kull proġett individwali, għaliex għalhekk hemm professjonisti bil-warrant.
Qal li l-gvern jidħol biex ikun hemm enforcement u żied li jemmen li fadal ħafna x’ isir. Spjega li l-Gvern jidħol ukoll dwar investigazzjoni biex meta jiġri xi ħaġa bħal din ikun hemm punt fokali.
Kien hawn li ħabbar li l-ġimgħa d-dieħla se jkun qed isejjaħ għall-entitajiet u organizazzjonijiet li għandhom x’jaqsmu mas-settur tal-kostruzzjoni bil-għan li jkunu identifikati miżuri li għandhom ikomplu jittieħdu.
“Irridu niġbdu ħabel wieħed, nirrikonoxxu r-responsabbiltajiet ta’ kull sezzjoni, ta’ kull persuna, ta’ kull organizazzjoni, inkluż il-gvern f’dan il-qasam li għandna responsabbiltà ċara li ninvestigaw każijiet bħal dan,” iddikjara l-Prim Ministru.