“Hawnhekk tani direzzjoni għal ħajti, ma kontx naf x’se naqbad nagħmel kieku ma ngħatajtx għajnuna mill-Fondazzjoni Dlam għad-Dawl.”
Stqarr dan Evgeny Petrov, Bulgaru ta’ 31 sena li għadu kemm skonta sentenza ta’ priġunerija. Petrov qed jgħix f’waħda mir-residenzi ta’ din il-Fondazzjoni, f’Bormla.
Jgħid li f’din ir-residenza mhux biss qed isib saqaf temporanju, iżda anke servizzi ta’ għajnuna psikoloġika u opportunitajiet ta’ xogħol.
“They are providing me the place to live, they’re giving me food, they are helping me with my financial costs like bus and and food supplies from the store” qal Petrov.
Il-Fondazzjoni mid-Dlam għad-Dawl tagħmel xogħol li jiswa mitqlu deheb ma’ priġunieri fil-Faċilitá Korrettiva ta’ Kordin kif ukoll m’oħrajn li jkunu skontaw is-sentenza u jerġgħu lura fis-soċjetá. George Busuttil, il-Kap ta’ din il-Fondazzjoni saħaq li huwa importanti li l-għaqda ma taħdimx biss mal-priġunier imma wkoll mal-familja tagħhom.
“Ħdimna kemm ma’ priġunieri fil-ħabs, kif ukoll mal-familji tagħhom fuq barra għax aħna nemmnu li l-priġunier huwa importanti li jżomm relazzjoni tajba mal-familja tiegħu.”
Fondazzjonijiet bħal dawn jirrikjedu riżorsi finanzjarji b’saħħithom, u għalhekk il-Gvern jagħmel tajjeb għall-parti mill-finanzjament tat-tmexxija ta’ din ir-residenza.
Fil-fatt il-Ministeru għas-Solidarjeta’ Soċjali, iffirma ftehim għat-tliet snin li ġejjin u permezz tiegħu il-Ministeru ser iħallas sa massimu ta’ €63,000.
Il-Ministru Falzon fisser il-ħidma ta-fondazzjoni bħala waħda pożittiva u li l-Gvern jemmen fiha.
“Aħna nemmnu li bniedem għandu jingħata t-tieni ċans imma ovjament imbgħad nistennew illi dak li jkun li jkun ingħata t-tieni ċans, jipprova li l-komunitá li jkun reġa’ ħareġ fiha jkun denju tagħha.”
Apparti r-residenzi, il-Gvern se jgħin sabiex l-ex prigunieri jingħataw servizz ta’ counselling, biex jgħinhom jintegraw fis-socjetà. Għal dan il-għan, il-Fondazzjoni Mid-Dlam ghad-Dawl taħdem ma’ Aġenziji oħra fosthom l-Appoġġ u s-Sedqa biex tilħaq dan il-għan.