Infetħet residenza ġdida li se tkun qed tilqa’ adoloxxenti fl-etajiet ta’ bejn l-10 u t-18-il sena, liema residenza se tkun qed tingħaqad ma’ oħrajn, li lkoll jitmexxew mill-Aġenzija Appoġġ. L-inawgurazzjoni ta’ din ir-residenza saret fil-preżenza tal-Ministru għall-Familja, Drittijiet tat-Tfal u Solidarjetà Soċjali, Michael Falzon.
Il-Ministru Michael Falzon fakkar li dawn l-adoloxxenti diġà jkunu għaddejjin minn trawma u huwa għalhekk li hemm bżonn ambjent li jilqa’ u mhux biss jservi ta’ kenn, iżda li jgħin lil dawn il-persuni jgħixu ħajja normali u jkomplu bir-rutina ta’ kuljum.
Din ir-residenza hija moderna u mgħamra b’dak kollu li familja hija mdorrija biha f’residenza normali u hija mqassma fi tliet appartamenti. F’maisonette minnhom se jkun qed jintuża għal klijenti li jkunu f’perjodu ta’ tranżizzjoni għal għejxien indipendenti. Fi flat ieħor se jgħixu żewġ klijenti, u erba’ persuni oħra se jgħixu fil-flat l-ieħor.
Din hija waħda mir-residenza li jitmexxew mill-Aġenzija Appoġġ. Fil-preżent hemm residenza oħra fejn fiha hemm 2 ġuvintur u 2 tfajliet bejn l-eta ta’ 12 u 18-il sena.
Il-Ministru Falzon qal li hemm ukoll residenzi fejn fihom jgħixu l-aħwa, dan għax jinħass il-bżonn li jkun iktar ta’ ġid jekk l-aħwa jibqgħu jgħixu flimkien. Fil-fatt f’residenza minnhom hemm jgħixu 5 aħwa, u 3 aħwa oħra separament. Dan flimkien ma’ numru t’appartamenti oħra li jilqgħu kemm adoloxxenti, kif ukoll persuni vulnerabbli li għal xi raġuni m’għandhomx kenn fuq rashom.
Intant il-Ministru Michael Falzon, ikkonkluda u tenna l-impenn tal-Gvern li se jinvesti fil-potenzjal ta’ kull ċittadin fis-soċjetà, irrelevanti minn liema sitwazzjoni soċjali ġej minna.