Is-Segretarju Parlamentari għad-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità u Anzjanità Attiva Justyne Caruana ħabbret ċentru ta’ anzjanità attiva u night shelter ġodda fil-lokalità tax-Xagħra Għawdex. Dan iċ-ċentru jinsab fil-qalb tal-komunità tax-Xagħra u ser jilqa’ fih anzjani mill-istess komunità u qed jitqies bħala proġett li jkompli jsaħħaħ is-settur tal-anzjanità attiva f’Għawdex. Dan il-proġett qed isir b’kollaborazzjoni mal-Knisja, rappreżentata mir-Rettur tal-Knisja ta’ Ġesu’ Nazzarenu Dun. Anton Refalo.
Is-Segretarju Parlamentari Justyne Caruana qalet li dan il-proġett sar sforz tal-bżonn ta’ servizzi bħal dawn f’komunitajiet f’Għawdex. Waqt iż-żjara tagħha fuq il-post, is-Segretarju Parlamentari qalet li permezz ta’ dan il-proġett u l-kollaborazzjoni mal-Knisja s-Segretarjat li tmexxi hi jista’ joffri aktar servizzi lill-anzjani fil-komunità tagħhom stess.
Hija saħqet fuq l-importanza li nżommu lill-anzjani tagħna kemm jista’ jkun attivi fil-komunità fejn trabbew u għexu, u permezz ta’ proġetti simili għal dan, dan il-kunċett jista’ jitħaddem b’mod effettiv u tanġibbli.
In-night shelter ser jilqa’ fih numru ta’ anzjani li għal xi raġuni jew oħra jibżgħu joqogħdu waħedhom f’darhom matul il-lejl.
Hawnhekk huma jkunu jistgħu jorqdu b’rashom mistrieħa u f’ambjent mill-isbaħ kif ukoll f’kumpanija ma’ anzjani oħra li jużaw dan is-servizz li ser ikun ikkumplimentat b’servizzi professjonali permezz ta’ nies kwalifikati fil-kura tal-anzjani. Iċ-Ċentru ta’ Anzjanità Attivà ser jinkludi fih attivitajiet relatati mal-Anzjanità Attiva kif ukoll ser joffri servizzi terapewtiċi lill-anzjani.
Is-Segretarju Parlamentari kkonkludiet billi rringrazjat lil dawk li imbarkaw għal dan il-proġett u żiedet tgħid li l-kollaborazzjoni mal-entità Ekkleżjastika Għawdxija qed tħalli l-frott mixtieq fil-komunitajiet tagħna u qed tkun ta’ qadi għall-anzjani siewi għall-anzjani u persuni b’diżabilità.
Ir-rettur tal-Knisja ta’ Ġesu’ Nazzarenu, Dun. Anton Refalo qal li mill-bidu nett ta’ dan il-proġett, sab sostenn u appoġġ mis-Segretarjat Parlamentari u qal li peremezz ta’ dan il-proġett, il-komunità tax-Xagħra li kull ma jmur qiegħda tikber, ser tkun aktar aċċessibbli f’termini ta’ servizzi mogħtija fl-istess komunità. Huwa kompla billi rringrazzja lil dawk kollha li wrew interess u sostnew dan il-proġett sa’ mill-bidu tiegħu permezz ta’ għajnuna finanzjarja u għajnuna volontarja u faħħar il-kollaborazzjoni bejn l-entitajiet involuti.