Wara li ngħalaq l-impjant Wieħed u tletin ta’ Marzu fil-qalba ta’ Birżebbuġa l-ġimgħa li għaddiet, ir-residenti ta’ din il-lokalità għandhom is-serħan il-moħħ, li dan il-kapitlu ġdid ifisser arja u baħar aktar nodfa.
Dakinhar tal-għeluq tal-impjant il-Viċi Sindku ta’ Birżebbuġa, Scott Camilleri sostna kif il-Gvern mhux talli ma nesiex lil dan ir-raħal, iżda ħadem b’mod attiv biex itejjeb l-għajxien tar-residenti kollha.
Huwa qalilna, “L-għan tagħna bħala Kunsill dejjem kien li r-resident jibqa’ l-ewwel u l-kwalità tal-ħajja tar-resident trid tibqa’ titjieb u titjieb billi jkollok faċilitajiet ta’ bżonn u faċilitajiet ta’ kwalità ta’ ħajja u kwalità ta’ arja aħjar għar-residenti tagħna. L-isfreġju li sar irid jittranġa.”
Dan l-istazzjon tkellem ma’ żewġ Birżebbuġin u li kellhom sentiment wieħed: li dan l-għeluq ifisser kwalità ta’ ħajja aħjar. Emannuel Mangion qalilna kif għalih dan l-għeluq ma jfissirx biss arja aktar nadifa, iżda jfisser ukoll li fis-sajf, jista’ jgħum f’baħar aktar nadif.
Huwa sostna: “Bħala baħar, jien ngħum f’din in-naħa. Bħala baħar jindaf iktar għax hemm roqqa fejn ġieli joħroġ iż-żejt u anke għandna l-Freeport u b’hekk forsi jkun iktar nadif il-baħar u nkunu nistgħu ngħumu aħjar.”
Resident ieħor, Trustin Farrugia qalilna li kien jesperjenza mill-viċin l-erbgħa u erbgħin trakk li kienu jidħlu u joħorġu fl-impjant kuljum. Qal ukoll kif il-Gvern ilu jtejjeb l-arja fiż-żona ta’ madwar Birżebbuġa b’diversi proġetti, fosthom bil-bidla mill-użu tal-heavy fuel oil għall-gass.
Farrugia tenna: “Hija xi ħaġa pożittiva ħafna għax mhux biss bħal m’għedna il-powerstation ta’ Dellimara eliminat darba għal dejjem dawk li huma SOx u NOx PM2.5 u t-trab naqas b’90% bl-introduzzjoni tal-LMG.”