Id-Deputat Prim Ministru u Ministru tas-Saħħa Chris Fearne ħabbar ir-rilaxx ta’ miżuri marbuta mal-ivvjaġġar f’pajjiżna minħabba l-Coronavirus.
Qal li id f’id ma’ kif qed tinbidel is-sitwazzjoni tal-varjanti tal-COVID-19, il-kriterji tal-pajjiżi li se jkunu fuq il-lista l-ħamra magħrufa bħala dark red, se jibdew ikunu skont fejn jiżdied il-varjant Mu, u mhux Delta.
Mill-Ġimgħa li ġej, dawk kollha li huma mlaqqmin u għandhom ċertifikat tat-tilqim u huma residenti f’Malta, li jkunu ġejjin minn pajjiż fil-lista tad-dark red, se jkunu jistgħu jagħmlu kwarantina f’darhom u mhux fil-lukanda kif kien qed jiġri sa issa.
Fakkar kif tul l-aħħar ġimgħat, pajjiżna żied iċ-ċertifikati tal-vaċċin li beda jirrikonoxxi, u mill-Ġimgħa li ġej fit-tmienja ta’ filgħodu, Malta se tibda taċċetta wkoll iċ-ċertifikat tat-tilqim tal-Kanada.