Il-Ministru għall-Intern u Sigurtà Nazzjonali Michael Farrugia, ħabbar li fil-ġimgħat li se jidħlu fis-seħħ għadd ta’ bidliet importanti fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin.
Il-Ministru qal li lejn l-aħħar tax-xahar se tidħol fis-seħħ sistema ġdida tal-ikel fejn ir-residenti ser jkollhom l-opportunità li jagħżlu huma l-ikel minn menu li se jinbidel kuljum. Dan wara li ttieħdet id-deċiżjoni li l-ikel ma jibqax jissajjar fil-ħabs.
Il-Ministru Farrugia ħabbar ukoll li wara li tlesta studju estensiv dwar il-faċilità mill-Professur Joseph Giordimaina, se jibda xogħol biex jiġu rranġati bosta nuqqasijiet.
Dawn ir-riformi ntlaqgħu tajjeb mill-uffiċjali kollha tal-faċilità, Ma’ One News l-uffiċċjal Victor Galea qal li din il-bidla hija pass importanti fl-istorja tal-faċilità.
Dawn it-tibdiliet tħabbru waqt ċerimonja ta’ promozzjoni lil ħames uffiċjali fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin.
Fost dawn il-ħamsa hemm uffiċjal mara fejn issa l-uffiċjali nisa b’dan it-titlu ta’ superviser tela’ għal tnejn. Promozzjonijiet ta’ dan it-tip ilhom ma jsiru għoxrin sena.